“Żieda fil-pagi tal-Ħaddiema kollha tal-Ewropa”

increase-in-minimum-wageIl-unions tal-ħaddiema fl-Ewropa huma miġburin flimkien fil-European Trade Union Confederation (ETUC). Fosthom hemm ukoll l-akbar trade unions Maltin, il-General Workers Union, il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-Forum Unions Maltin.

Fit-22 ta’ Diċembru li għadda (2016) il-mexxejja tal-ETUC ħarġu stqarrija fejn sostnew li wasalna f’sitwazzjoni fejn hemm bżonn li jiżdiedu l-pagi tal-ħaddiema kollha fl-Ewropa. Il-mexxejja qalu li ltaqgħu mal-mexxeja tal-unions nazzjonali tal-pajjiżi tal-Ewropa u flimkien kulħadd qabel li matul is-sena 2017 il-pagi tal-ħaddiema kollha fl-Ewropa għandhom jiżdiedu. ( Dan apparti iż-żieda tal-għoli tal-ħajja). F’din l-istqarrija l-unions ressqu tlett argumenti ewlenin li jiġġustifikaw iż-żieda fil-pagi. Dawn huma:

(1) Bħala miżura kontra l-inugwaljanza soċjali u kontra l-faqar

(2) Biex tingħata spinta lill-ekonomija fl-Ewropa

(3) Biex b’hekk igawdu kemm il-ħaddiema kif ukoll in-nies tan-negozju.

Il-unions sostnew ukoll illi l-kriżi finanzjarja mhix skuża biex il-pagi jibqgħu jinżammu baxxi għax il-kbarat fl-Ewropa xorta baqgħu għaddejjin b’żidiet kbar fil-pagi tagħhom, waqt li l-pagi tal-lum tal-ħaddiema għandhom saħħa anqas minn dawk ta’ meta bdiet il-kriżi finanzjarja fl-2008, disa’ snin ilu. Għalhekk il-mexxeja tal-ETUC qalu wkoll li se jaħdmu flimkien mal-unions fil-pajjiżi tal-Ewropa biex jaraw li l-employers u l-gvernijiet jaċċettaw li jżidu l-pagi.

Huma qalu wkoll li l-pagi għandhom jiżdiedu permezz ta’ żewġ metodi. Wieħed huwa in-negozjar kollettiv bejn il-unions u l-employers, u l-ieħor billi l-gvernijiet jgħollu l-paga minima. Finalment qalu li “il-paċenzja tal-ħaddiema issa waslet fix-xifer. L-Ewropa għandha bżonn li tfieq għal kulħadd mhux biss għal dawk li huma diġa sinjuri”. (“Workers’ patience is wearing thin. Europe needs a recovery for all, not just for the already rich”).

Sewwa għamlu l-unions Maltin li kienu parti minn din l-istqarrija. Issa wieħed jistenna li l-unions Maltin jaħdmu biex anke il-ħaddiema Maltin kollha jingħataw żieda u biex togħla l-paga minima. Il-unions Maltin għandhom responsabbilta oħra li tobblighom jitolbu dawn iż-żidiet. Dan għaliex Malta ma għaddietx mill-kriżi finanzjarja li għaddew u għadhom għaddejjin minnha diversi pajjiżi fl-Ewropa. Anzi Malta, bix-xogħol tal-ħaddiema kompliet tkabbar l-ekonomija matul dawn l-aħħar snin b’rata akbar minn ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Issa l-ħaddiema Maltin, bi dritt kollu, jistennew l-azzjoni tal-mexxejja tal-unions. Mill-banda l-oħra l-ħaddiema għandhom jaraw li jkunu kollha organizzati fil-union għax inkella l-mexxejja jkun aktar diffiċli għalihom li jiksbu dawn iż-żidiet.