Il-Front Maltin Inqumu qiegħed ixandar artiklu li deher fil-ġurnal lokali “it-Torċa” tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2020.
M’aħniex ħielsa daqs li konna
Illum jien u nikteb dawn il-kelmtejn, bħal kulħadd qiegħda nħoss li ħajjitna mhijiex ħielsa daqs li kienet. F’daqqa waħda, spiċċajna biex inbiddlu d-drawwiet kollha tagħna. Ma nistgħux noħorġu. Ma nistgħux ngħannqu l-maħbubin tagħna, ma nistgħux niltaqgħu mal-ħbieb tagħna, ma nistgħux inbusu lin-neputijiet tagħna. Lanqas nistgħu immissu wiċċna stess!
B’danakollu, kif naddattaw ruħna għal din il-ħajja taħt il-madmad tal-Corona, nafu li dan it-telf tal-ħelsien tal-individwi huma għall-ġid ta’ kulħadd. Huwa ovvju li b’xi mod jew ieħor għandna nwaqqfu t-trażmissjoni tal-Coronavirus. Is-saħħa għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Jien kburija bil-fatt li l-Gvern Malti u l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin għandhom biżżejjed inteliġenza u sens ta’ solidarjeta sabiex jifhmu li din il-kriżi hija, qabel kollox, kriżi tas-saħħa. Għandna nieħdu bis-serjeta l-pariri u r-regolamenti l-ġodda għas-salvagwardja tas-saħħa ta’ kulmin hu parti mis-soċjeta tagħna.
X’nitgħallmu mill-passat?
F’kull epidemija, bħall-pesta, il-kolera u d-deni rqiq, in-nies li huma l-iktar vulnerabbli, foqra u marġinalizzti jbatu ħafna aktar mis-sinjuri. Barra minn hekk, fl-istudji estensivi li kont għamilt dwar l-impatt tal-epidemiji fil-gżejjer Maltin, sibt li l-klassi tal-ħaddiema, in-nisa, u l-iktar nies sfruttati kienu ħafna aktar fir-riskju ta’ mard u mewt.
Għalhekk, il-moviment għall-ħelsien minn taħt il-gvern kolonjali kien ukoll moviment għas-saħħa. Il-Maltin u l-Għawdxin fahemu li s-saħħa tagħna ma kienetx prijorita għall-Gvern Ingliż. Anke wara li mietu u ndarbu eluf ta’ Maltin u Għawdxin fit-tieni gwerra, għall-Gvern Ingliż is-saħħa u l-impjieg stabbli tal-Maltin ma kinux importanti. Nemmen li malli ommijietna u missirijietna saru tassew konxji ta’ dan il-fatt, dan kien mument kruċjali għalina.
Il-ħelsien huwa saħħa
Ir-rata tal-mard u l-imwiet tat-trabi u t-tfal Maltin u Għawdxin fl-erbgħinijiet kienet xokkanti. L-antenati tagħna xtaqu, qabel kollox, ikollhom familji f’saħħithom. Kien għalhekk li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-1947. Fis-sebgħinijiet il-pedament tas-Servizz tas-Saħħa, li għadna ngawdu sal-lum, kien mibni fuq il-viżjoni tat-Tabib Moran u mill-politika Soċjalista tal-Perit Mintoff. Din ir-rabta bejn is-saħħa u l-ħelsien kienet ir-raġuni ewlenija għalfejn ksibna l-Ħelsien sħiħ fl-1979. F’dak il-jum, wieħed u erbgħin sena ilu, ħlisna mill-bażi militari fl-art ħelwa tagħna u mxejna fit-triq tan-newtralita u ħielsa mill-indħil barrani. Għall-maġġoranza tan-nies dan is-serħan tal-moħħ li bqajniex parti mill-magna tal-gwerer kien jimlina bit-tama għal ħajja aħjar, għalina u għal uliedna. Iġġiliedna għal din is-saħħa mentali kif ukoll għas-saħħa fiżika.
Sakemm negħelbu din il-mewġa tal-Coronavirus irridu noqogħdu bil-għaqal, nieħdu paċenzja u ngħinu lil xulxin.
Dan iffisser li l-ħelsien huwa saħħa. U s-saħħa hija l-ħelsien. Il-kunflitt li nħossu bħalissa bejn is-saħħa u l-ħelsien individwali huwa biss temporanju. Sakemm negħelbu din il-mewġa tal-Coronavirus irridu noqogħdu bil-għaqal, nieħdu paċenzja u ngħinu lil xulxin.
Il-vulnerabbli huma l-prijorita
Importanti li niftakru f’dawk li huma l-aktar dgħajfa. Dawn qegħdin fir-riskju li jegħrqu taħt din il-mewġa: l-anzjani, il-persuni vulnerabbli, u l-foqra. Għalhekk huwa importanti li l-Gvern jagħti l-mezzi lil dawn in-nies bl-użu ta’ kull għodda li għandu, kemm fiskali kif ukoll monetarju. Issa l-waqt li jgħin lil dawk li huma vulnerabbli: l-anzjani, in-nies bla xogħol jew bil-prekarjat, ir-refuġjati u l-morda, u jagħtihom dħul dirett u adekwat.
L-għan ċentrali tal-Gvern għandu jkun li jnaqqas id-distakk bejn l-għonja u l-foqra.
Il-Gvern Laburista qiegħed iħejji pakkett ieħor ta’ miżuri ta’ għajnuna. L-għan ewlieni għandu jkun l-ugwaljanza. Kulħadd għandu d-dritt li jgħix, u li jgħix ħajja diċenti. L-għan ċentrali tal-Gvern għandu jkun li jnaqqas id-distakk bejn l-għonja u l-foqra.
Aħna li ngħixu fi djarna nistgħu noqogħdu ġewwa, nnagħlqu l-bieb ta’ barra, u ngħixu fuq ir-riżorsi li ġemmajna. Iżda ħafna nies m’għandhomx saqaf fuq rashom. M’għandhomx bieb ta’ barra li jistgħu jagħlqu kontra t-tixrid tal-virus. M’għandhomx flus biex jixtru ikel frisk u tajjeb. M’għandhomx kamra tal-banju fejn jistgħu jinħaslu sew. M’għandhomx il-ħarsien minn carers jekk jiġihom bżonn. Biex nagħti ftit eżempji, dawn huma n-nies bla djar, nies fiċ-ċentri tar-refuġjati, u ħafna anzjani li jgħixu waħidhom jew jgħixu fid-djar tal-anzjani fejn m’hemmx biżżejjed infermiera u carers.
Il-Prezz tal-Ħelsien
“Kull deni ħudu b’ġid.” Bosta minna tilfu x-xogħol, il-kumpanija, it-tagħlim tal-iskola, it-taħditiet personali u l-mobilta. Iżda nistgħu ngawdu pajjiżna bl-arja ħafna iktar nadifa, u b’anqas storbju u ferneżija. Tnaqqsu l-istress u t-tniġġis. L-għasafar issa jinstemgħu jgħannu bl-isbaħ mod, waqt li l-fjuri u s-siġar ileqqu daqs l-istillel.
Fuq kollox l-apprezzament tagħna lejn il-mexxejja responsabbli u lejn il-ħaddiema fis-Servizzi tas-Saħħa, il-Forzi tal-Ordni u l-NGOs qed jikber kuljum. Din il-ħidma u s-soledarjeta juru li għandna biex inkunu kburin. Bħala Maltin nifhmu li hemm prezz għall-ħelsien; u l-ħelsien ta’ veru huwa mibni fuq is-saħħa u l-ħidma prezzjuża ta’ kulħadd.