Fis-16 ta’ Ġunju li għadda ġie ippubblikat rapport imħejji mill-Middlesex University London dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran lejn l-Ewropa. Dan ir-rapport tlesta wara ħafna stħarrig mill-Proffessur Brad Blitz u diversi esperti oħrajn dwar is-suġġett. L-istħarrig ma sarx biss permezz ta’ statistika imma kien jinkludi stħarrig fil-lok fil-pajjiżi tal-Mediterran, inkluż f’Malta.
Ir-rapport, intitolat “Mapping Refugee Reception in the Mediterranean“, jasal għall-konklużjoni ewlenija illi 80% tal-immigranti li qegħdin jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa qegħdin jagħmlu hekk biex jaħarbu mill-gwerrer. Fost il-gwerrer li l-aktar li ħolqu refuġjati hemm dawk tal-Iraq, tas-Sirja u tal-Afganistan. Ir-rapport jgħid ukoll li 1,008,616 immigrant qasmu l-Mediterran lejn l-Ewropa fl-2015 u li wieħed minn ħamsa biss minn dawn kienu immigranti ekonomiċi li qedin jitilqgħu pajjiżhom biex isibu ix-xogħol. L-oħrajn, 80%, kienu kollha qegħdin jaħarbu mill- gwerrer.
Dan ir-rapport ikompli jsaħħaħ kemm huwa minnu li jgħid il-Front Maltin Inqumu li huma l-gwerrer li qegħdin jagħmlu l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi imsemmija li qegħdin joħolqu din il-mewġa ta’ immigranti. Naturalment il-kbarat tal-Unjoni Ewropea dan jafuh imma ma jdejjaqhom xejn. Il-kbarat huma kuntenti bl-immigranti jaħdmu b’pagi baxxi u b’kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena. Huma kuntenti wkoll illi b’hekk imbagħad anke l-pagi tal-ħaddiema Ewropej jibqgħu baxxi.