Tkompli l-piena tal-mewt fuq il-klassi tal-haddiema

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għadu kif xandar li matul is-sena 2016 seħħew b’kollox seba’ mwiet ta’ ħaddiema b’aċċidenti waqt ix-xogħol. Dan il-fatt illum ma jistax jissejjaħ li huwa aħbar, tant huma regolari l-imwiet fuq il-lant tax-xogħol, speċjalment fuq il-lant tax-xogħol industrijali. Kull sena jmutu ħamsa, sitta jew sebgħa ħaddiema. Għalkemm ċertu xogħol huwa perikoluż mill-għamla tiegħu, illum tista’ tgħid li l-ħaddiema fil-qasam tax-xogħol tal-kostruzzjoni u tax-xogħol industrijali huma suġġetti għal piena tal-mewt li tista’ tiġi fuqhom f’daqqa waħda.

Dawn il-ħaddiema qedgħin jiżbaljaw li jaċċettaw sitwazzjoni bħal din bla ma jieħdu l-ebda azzjoni. Bla dubju il-periklu jista’ jittnaqqas. Jekk ma jiċċaqalqux hekk se jibqgħu l-affarijiet, u hekk se jibqgħu huma, suġġetti għall-piena tal-mewt.  Għalhekk il-Front Maltin Inqumu jħeġġeġ lil dawn il-ħaddiema sabiex jieħu dawn l-azzjonijiet.

(1) L-ewwel radd tas-salib huwa li jkunu magħqudin f’union. Anke meta jingħaqad il-ħaddiem irid jirsisti ħafna biex jieħu dak li ħaqqu, aħseb u ara jekk kull ħaddiem ikun għal rasu.

(2) Għandhom jitolbu biex l-Occupational Health and Safety Authority (OHSA) tiġi riformata b’mod li l-ħaddiema li jaħdmu f’xogħol perikoluż ikollhom id-dritt li regolarment jeleġġu rappreżentanti minn fosthom li jidħlu fit-tmexxija tal-OHSA. Ir-realtajiet tal-perikli fuq il-lant tax-xogħol ħadd ma jafhom daqs il-ħaddiema nfushom li jkunu qedgħin fihom, allura riforma bħal din żgur li tħalli il-frott.

(3) Il-gvern kien ħabbar li din is-sena se jinxurja lill-ħaddiema tiegħu biex f’każ ta’ korriment jew ta’ mewt b’aċċident waqt ix-xogħol, il-ħaddiem, jew qrabatu f’każ ta’ mewt, jiġi ikkumpensat bla ħtieġa ta’ xi rikors fil-qorti. Il-ħaddiema għadhom jitolbu bid-dritt kollu lill-gvern biex jobbliga lill-employers privati li anke huma jinxurjaw lill-ħaddiema impjegati magħhom b’dan il-mod. Jekk ma jsirx hekk tkun qiegħda issir diskriminazzjoni ma dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-privat, speċjalment fil-qasam tal-kostruzzjoni u tal-industrija.