Tinkixef moħba oħra tal-Ħallelin

downloadMatul dawn l-aħħar ftit snin il-grupp ta’ ġurnalisti magħruf bħala International Consortium of Investigative Journalists, irnexxielu jikxef diversi moħbiet fejn il-kumpaniji kbar u is-sidien tagħhom jaħbu l-qliegħ li jagħmlu minn fuq dar il-ħaddiema biex imbagħad ma jħallsux taxxa. Inkixfu moħbiet fl-Iżvizzera, fil-Lussimburgu (din kien bnieha Juncker, il-kap tal-Unjoni Ewropea), u riċenti fil-Panama.

Issa inkixfet moħba oħra fil-Bahamas. Il-lista ta’ kumpaniji u sidien li inkixfu hija ta’ 175,000 każ irreġistrati fil-Bahamas mill-1990 sal-lum. Din il-lista tinkludi lil Neelie Kroes, li kienet Kummissarju tal-Unjoni Ewropea mill-2004 sal-2006. Hija kellha kumpanija fil-Panama bil-moħbi mill-2001 sal-2009. Barra l-abbuż minnu nniffsu tal-evażjoni tat-taxxa, Neelie Kroes kienet qiegħa għal snin sħaħ tidħaq bil-popli tal-Unjoni Ewropea, għax bħala Kummissarju tal-EU, skond ir-regoli tal-UE, ma kelliex permess li jkolla dan l-involviment finanzjarju.

Fil-moħba tal-Bahamas hemm ukoll kumpaniji Maltin li issa nkixfu li ħbew il-qliegħ biex ma jħallsux it-taxxa, bħal ma nkixfu fil-lista tal-Iżvizzera, tal-Lussimburgu u tal-Panama. Bla dubju hemm ħafna aktar flus moħbijin f’moħbiet oħrajn, għax li nafu huwa biss dak li il-ġurnalisti irnexxielhom jiskopru. Imbagħad jgħidu li m’għandhomx minn fejn iżidu l-paga minima!