Stqarrija għall-Istampa: Żminijietna tħeġġeġ lill-MEPs Maltin biex jieħdu pożizzjoni ċara favur kultura ta’ paċi u djalogu.

Wara għaxar snin tal-gwerra fl-Ukrajna u l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej li ġejjin f’Ġunju, l-Organizazzjoni Xellugija Zminijietna tħeġġeġ lill-MEPs Maltin biex jaħdmu favur kultura ta’ paċi u djalogu.

Żminijietna żiedet tgħid li “l-Unjoni Ewropea għandha terġa’ tqajjem il-miżura ta’ paċi bbażata fuq il-ftehim ta’ Minsk fl-Ukrajna skont dik mibdija minn Franza u l-Ġermanja lura fl-2014”.

Barra minn hekk, aħna mħassba ħafna bil-pożizzjoni li ħadet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen biex ikomplu bl-għajnuna militari tagħhom fil-gwerra fl-Ukrajna.

“L-istess għandu jiġi applikat fir-rigward tal-ġenoċidju f’Gaża. L-Unjoni Ewropea qed tieħu approċċ perikoluż fil-gwerra f’Gaża. Għadha mhux qed tappoġġja s-sejħa internazzjonali għal waqfien totali mill-ġlied ġewwa Gaza”, stqarret Zminijietna – Leħen ix-Xellug.

David Pisani

Uffiċjal Relazzjonijiet Pubbliċi

Zminijietna – Leħen ix-Xellug