
Nhar il-25 ta’ Marzu, 1945, intlgħabet partita futbol ġewwa l-istadium, il-Gżira, bejn it-team nazzjonali Malti u it-team Juguslav Hajduks. Qabel bdiet il-logħba indaqq il-God Save, l-Innu Nazzjonali Ingliż, kif ukoll l-Innu Nazzjonali Jugoslav, bla ma ndaqq l-Innu Malti. Il-kotra Maltija preżenti, bi protesta spontanja, qamet bil-wieqfa u kantat l-Innu Malti. Il-kbir poeta Malti Rużar Briffa, ispirat minn din il-ġrajja ta’ patrijottiżmu, kiteb din il-poeżija storika.
JUM IR-REBĦ
U l-Kotra qamet f’daqqa w għajtet : “Jien Maltija!
Miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija!”
U l-Kotra għanniet f’daqqa w semmgħet ma’ l-irjieħ
l-Innu ta’ Malta tagħna, w il-leħen kien rebbieħ
fuq ngħas l-imgħoddi ġwejjef, in-ngħas ta’ l-Apatija
x’ħin ruħna kienet rieqda ġo sodda barranija;
u l-ombra ta’ Vassalli qamet minn qiegħ il-qabar
u għajtet “Issa fl-aħħar jiena sa nsib is-sabar.”
RUŻAR BRIFFA