Fil-15 ta’ Novembru li għadda, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi ħabbar li kien imblokka r-reviżjoni tal-budget tal-Unjoni Ewropea, reviżjoni li ssir regolarment f’nofs is-sena tal-operat tal-budget. Huwa qal li għamel hekk bi protesta għax mhux lest li jkompli jitfa’ flus il-poplu Taljan ġol-fondi tal-Unjoni Ewropea biex imbagħad dawn il-flus imorru għand pajjiżi li mhux lesti jaċċettaw is-sehem tagħhom ta’ refuġjati, li allura mbagħad ikollhom jitħallew jibqgħu l-Italja jew ġol-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran.
Wara li spjega dan kollu, Renzi għalaq id-diskors tiegħu billi saħaq li ” l-Unjoni Ewropea trid tinbidel għax jekk ma tinbidilx qegħdin iffaċċjati bil-bidu ta’ diżintegrazzjoni “.
Iżda xejn ma juri li l-Unjoni Ewropea se tinbidel. Ftit tal-ġranet qabel, fil-11 ta’ Novembru, Jaroslaw Kaczynski, il-mexxej tal-partit li jinsab fil-gvern fil-Polonja, qal pubblikament li l-Polonja lesta tiġġieled battalja qalila, anke kontra l-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, biex ma titlifx is-sovranita tagħha. Kaczynski kien qiegħed jirreferi għal diversi deċizjonijiet li qed jieħu l-gvern Pollakk, li jinkludu l-oppożizzjoni biex jitqassmu ir-refuġjati mall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-Polonja hija pajjiż ta’ 38 miljun ruħ, u din it-theddida kompliet kixfet il-qasma kbira li għaddejja minnha l-Unjoni Ewropea bħalissa.