Hekk qal il-prim ministru Taljan Matteo Renzi wara il-laqgħa għolja tal-UE li saret ftit ilu fi Bratislava, fis-Slovakia. Renzi tant ħareg diżappuntat minn din il-laqgħa li iddiskutiet kif għandha timxi l-UE, illi mill-ewwel ħadha qatta’ bla ħabel kontra Merkel u kontra Juncker. Wara din il-laqgħa Merkel u Hollande taw konferenza stampa fejn qalu li jridu li l-Ewropa iżżid is-sigurtà u d-difiża u li jiġġieldu it-terroriżmu.
Iżda Renzi ma aċċettax li jkun magħhom għall-konferenza stampa u qalilhom li mhux qed jaqbel magħhom. Għalhekk kellem lill-media għal rasu u qal li l-politika ta’ awsterità tal-UE falliet u jinħtieg li tinbidel. Huwa akkuża lill-Ġermanja li qiegħda tikser ir-regoli tat-trade surplus tal-UE, u qal li kemm Franza kif ukoll Spanja qedin jiksru ir-regoli tal-UE li jirregolaw id-deficit tal-gvern. Dwar Juncker, Renzi qal li dan jgħid ħafna paroli imma imbagħad ma jwettaq xejn.
Renzi semmgħa wkoll is-summit dwar l-immigrazzjoni li l-UE kienet organizzat f’Malta f’Novembru tas-sena li għaddiet. Huwa qal li d-deċiżjonijiet li ittieħdu f’Malta dwar l-immigrazzjoni baqgħu “karta mejta”, jiġifieri kollox baqa’ fuq l-ixkaffa u ma sar xejn.
Iżda l-aktar kliem iebes ta’ Renzi kien meta qal li dwar l-immigrazzjoni il-gvern Taljan lest jieħu passi għal rasu. Dan ikun ifisser li jieħu deċizjonijiet mhux bi qbil mal-UE. Renzi reġa’ irrepeta din it-theddida ftit tal-ġranet wara ġewwa New York, fejn kien qiegħed jattendi għall-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.