Barak Obama, issa li wasal biex itemm il-kariga ta’ President tal-Istati Uniti, għadu kif għamel żjara uffiċjali ta’ jumejn fil-Greċja. Qal bil-quddiem li sejjer hemm biex juri appoġġ għall-poplu Grieg fis-sitwazzjoni ta’ falliment li jinsab fiha. Huwa appella biex parti mid-dejn tal-gvern Grieg jinħafer.
Iżda r-risposta tal-poplu Grieg għall-appoġġ ta’ Obama kienet waħda ta’ qilla u ta’ rabja kbira kontra tiegħu. Tant din ir-rabja kienet tidher li l-gvern ipprojbixxa li jsiru protesti fit-toroq għal waqt il-jumejn taż-żjara. Iżda l-poplu xorta ħareg fit-toroq jipprotesta kontrieh u eluf kbar dimostranti immarċjaw lejn l-ambaxxata Amerikana f’Ateni, il-belt kapitali Griega. Id-demostranti, iżda, ġew attakkati bil-gass tad-dmugħ minn eluf ta’ pulizija li kienu armati bil-lest għalihom. Għalkemm id-dimostranti ma rnexxilhomx jaslu sal-ambaxxata huma ikkumbattew bil-qawwa kollha lill-pulizija u xorta rnexxielhom juru l-protesta tagħhom. F’Tessalonika, li hija it-tieni l-akbar belt tal-Greċja wara Ateni, ukoll saru protesti kbar u ħruq tal-bandiera Amerikana.
Jidher li Obama ħaseb li l-poplu Grieg huwa xi poplu iblah. Kieku vera ried jgħin lill-Griegi Obama seta’ għamel hekk matul is-snin li għaddew meta kellu l-poter, mhux issa meta hu ma jikkmanda xejn. Imma meta Obama kellu l-poter huwa kien għamel il-kontra, għax kien indaħal personalment biex jimbotta lill-gvern Grieg biex jaċċetta l-kundizzjonijiet li l-Unjoni Ewropea kienet imponiet fuq il-poplu Grieg. Illum id-dinja kollha taf li dawn il-kundizzjonijiet ġabu biss ġuħ għall-poplu u sussidju minn flus il-poplu lill-banek falluti. Iżda permezz tal-protesti l-Griegi wrew mad-dinja kollha li mhux se jħallu lil Obama jiżżuffjetta bihom.
Kemm Obama kien qiegħed jipprova jiżżuffjetta bil-Griegi malajr kompla ħareġ ċar. L-għada li tkellem Obama il-gvern Germaniż, li għandu l-akbar saħħa dwar din id-deċiżjoni, ħareġ stqarrija uffiċjali dwar id-dejn tal-gvern Grieg fejn qal li ” Il-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx. Iż-żjara ta’ Obama ma biddlet xejn”.
Permezz tal-protesti huma wrew ukoll li l-Griegi mhux iż-żuffjett ta’ Obama għandu bżonn, imma li jreġġa lura l-liġijiet anti-soċjali u kontra l-unions li l-Unjoni Ewropea imponiet fuqhom matul dawn l-aħħar snin.