Dan l-aħħar il-Kummissjoni tal-Ugwaljanza (Equality Commission) ħeġġet pubblikament lill-partiti politiċi biex meta tkun ġejja l-elezzjoni ġenerali jaraw illi mill-anqas 30% tal-kandidati li huma jressqu jkunu nisa. Komplew ħeġġew lill-partiti biex dan il-pass ikun bidu biex ftit ftit naslu li 50% tal-kandidati jkunu nisa. Ovvjament il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ hekk biex tikber il-possibilta li n-nisa, li huma nofs il-popopazzjoni ta’ Malta, jkunu aktar rappreżentati fil-Parlament, għax sa llum jidher li 13% biss tal-membri parlamentari huma nisa.
L-argument tal-Kummissjoni tal-Ugwaljanza huwa validu ħafna. Iżda m’huwiex komplut, għax il-poplu ta’ Malta m’hux maqsum biss f’irġiel u nisa.
Il-poplu huwa wkoll maqsum fi klassijiet soċjali li huma differenti minn xulxin l-aktar skond il-mod ta’ kif jaqalgħu l-għixien tagħhom. Hemm klassi ta’ ħaddiema li jgħixu bil-paga, allura jissejjħu ħaddiema tal-paga. F’din il-klassi hemm ukoll l-għalliema, it-tobba, il-managers eċċ, li jissejħu professjonisti, li, għalkemm id-dħul tagħhom huwa akbar, xorta waħda huma impjegati bil-paga. Hemm klassi oħra ta’ ħaddiema li huma self-employed. Hemm imbagħad il-klassi tas-sidien, tal-propjeta u tal-postijiet tax-xogħol.
Dan juri, allura, li għal min verment irid li jkollna parlament li jirrapreżenta is-soċjeta Maltija skond l-għamla tagħha, il-partiti għandhom iressqu kandidati fi proporzjonijiet li jissodisfaw kemm dak ta’ bejn nisa u rġiel kif ukoll dak ta’ bejn il-klassijiet soċjali. Biex jiġri hekk il-Kummissjoni tal-Ugwaljanza għanda tinsisti li, jekk per eżempju il-ħaddiema tal-paga jagħmlu 80% tal-popolazzjoni, allura il-partiti għandhom iressqu 80% tal-kandidati li jkunu ħaddiema tal-paga, imma dawn jinqasmu nofshom irġiel u nafshom nisa. Ovvjament l-istess jgħodd ghall-klassijiet l-oħra.
Il-Kummissjoni għandha tinsisti dwar dan għax in-nuqqas ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema tal-paga fil-parlament hija inġustizzja akbar minn dik tar-rappreżentanza tan-nisa. In-nisa għallanqas għandhom 13% rappreżentanza fil-parlament. Il-ħaddiema tal-paga, kemm ilu li spiċċa Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici mill-parlament, naqsu drastikament.