Malta kollha taf li l-Perit Mintoff kien il-mexxej li wassal biex Malta issir repubblika fl-1974 kif ukoll li wassal għall-Ħelsien sħiħ tal-poplu Malti. Wara eluf ta’ snin fejn Malta kontinwament intużat minn gvernijiet barranin bħala bażi militari, għall-ewwel darba fl-1979 il-poplu Malti ħeles mill-jasar tal-kolonjaliżmu militari. Dawn huma ġrajjiet magħrufa.
Iżda ftit jafu li fis-sena 2004, tletin sena wara li Malta saret Repubblika u ħamsa u għoxrin sena wara l-kisba tal-Ħelsien, Mintoff irrifjuta li jiġi onorat bl-unur tar-Repubblika. Mintoff irrifjuta dan l-unur għax sal-2004 Malta kienet diġa tilfet il-Ħelsien tagħha. Dan ir-rifjut ta’ Mintoff ftit huwa magħruf għax l-istituzzjonijiet politiċi dejjem iżommuh moħbi kemm jista’ jkun għax iħossuhom skomdi b’dan il-fatt. U ngħiduha kif inhi, li l-ħallieq tar-Repubblika Maltija u tal-Ħelsien ta’ Malta jagħmel dan il-pass, huwa attwalment attakk qawwi fuq l-istituzzjonijiet politiċi ta’ Malta.
Kien f’Marzu tal-2004 meta l-perit Mintoff ġie offrut l-insinja ta’ Kumpann tal-Unur tal-Ordni ta’ Malta. Mintoff iżda irrifjuta dan l-unur għax argumenta li bil-ftehim li Malta kienet qiegħda tintrabat bih mal-Unjoni Ewropea il-Ħelsien ta’ Malta kien intilef. F’din id-deċiżjoni Mintoff sab ukoll il-qbil unanimu tal-kumitat kollu tal-Front Maltin Inqumu li huwa kien il-fundatur u l-president tiegħu. Għalhekk fit-30 ta’ Marzu 2004 huwa kiteb lill-President tar-Repubblika, fejn, fost affarijiet oħra huwa stqarr hekk:
“B’rispett lejn ir-Repubblika ta’ Malta, l-insinja m’għandiex tiġi rifjutata. Iżda minħabba l-fatt li l-Ħelsien ta’ pajjiżna intilef u l-Kostituzzjoni tar-Repubblika inkisret, mhux mument f’waqtu li nirċievi l-Insinja. Għalhekk qiegħed nitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jirtira huwa l-Insinja għan-nom tiegħi, u jieħu ħsieb jikkustodjha taħt il-ħarsien tiegħu, sakemm Malta terġa tikseb lura l-Ħelsien u jiena jew il-werrieta tiegħi jiddeċiedu x’isir minnha”