Mintoff fil-Ġrajja – minn Sammy Meilaq

Għall-okkazjoni tal-anniversarju tat-twelid tal-Perit Mintoff il-Front Maltin Inqumu qiegħed ixandar riproduzzjoni mis-suppliment tat-Torċa li ħareġ nhar is-7 ta’ Awwissu, 2016

Il-ħidma politika tal-Perit Mintoff, għalkemm mifruxa daqs baħar, tista’ tinġabar fi tlett miri ewlenin li huwa irnexxielu jilħaq.

Huwa mexxa lejn il-ġustizzja soċjali b’mod li wasal li fi żmienu qered il-faqar li għal sekli sħaħ kien parti mill-ħajja tal-poplu. Qabel Mintoff il-faqar kien qisu qiegħed magħna biex jibqa’ magħna għal dejjem. Huwa kellu jidħol f’konflitt qalil mal-mexxejja tal-Knisja f’Malta biex ħareġ lill-poplu mill-fewdalizmu u waqqaf stat lajk fejn it-twemmin reliġjuż ma baqax imponut. Bla dubju din kienet ukoll l-akbar bidla kulturali li seħħet f’Malta matul is-seklu għoxrin.

Fuq kollox, iżda, huwa mexxa lill-poplu lejn ħelsien sħiħ mill-kolonjaliżmu Brittaniku. Il-kobor ta’ din il-kisba tal-ħelsien jista’ jitqies sewwa meta wieħed jiftakar kemm Malta kienet għadha tiddependi fuq l-impjiegi mas-servizzi Ingliżi meta Mintoff rebaħ il-gvern fl-1971 u beda’ jinnegozja ftehim ġdid li jwassal għall-ħelsien ta’ Malta.

Mintoff wettaq dan kollu permezz tal-għodda tad-demokrazija parlamentari, matul snin twal ta’ ħidma mimlija konflitti politiċi. U bilfors, għax huwa kien jaf li it-tibdil ta’ vera ma tistax tasal għalieh bil-paroli u bl-argumenti biss, imma jeħtieġ ukoll l-azzjoni. Għalhekk huwa dejjem żewweġ id-demokrazija parlamentari mal-parteċipazzjoni tal-kotra tal-poplu. Ma ħalliex lill-poplu jmur jivvota fl-elezzjoni u mbagħad joqgħod biss jitmexxa, imma dejjem daħħal lill-poplu biex jieħu parti kotrana permezz ta’ mass meetings u dimostrazzjonijiet li tista’ tgħid kienu kontinwi matul il-karriera politika twila tiegħu.

U kull meta kellem lill-kotra, l-għajta tal-battalja dejjem kienet “Malta l-ewwel u qabel kollox”. Kienet għajta ta’ nazzjonaliżmu li jpoġġi id-drittijiet tal-poplu Malti fuq quddiem u li jwassal għall-ħelsien nazzjonali, nazzjonaliżmu li jinftiehem bl-aktar mod naturali. Fl-istess waqt, fl-arena internazzjonali dejjem ta’ l-appoġġ lill-popli oħra li wkoll kienu qegħdin jitqagħbdu għall-ħelsien ta’ pajjiżhom mill-kolonjaliżmu.

Mill-lenti tal-ġrajja, allura, dak li wettaq Mintoff kien il-quċċata ta’ dak li bassru iż-żewġ profeti Maltin ta’ qablu, Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech. Dawn iż-żewġ profeti it-tnejn ħadmu ħafna u batgħew ħafna għax emmnu li Malta tista’ u li Malta jixirqilha tkun ħielsa u tkun repubblika. Iżda it-tnejn li huma ma rnexxielhomx isaltnu allura ma setawx iwettqu. Mintoff bata’ u sofra wkoll iżda irnexxielu jsaltan. Bil-kisba tal-poter politiku huwa mexxa lill-poplu lejn il-ħelsien u lejn ir-repubblika. B’hekk ruħ Vassalli u ruħ Dimech straħu  u sabu il-paċi.

Barra minn hekk, iżda, fejn Mintoff ma rnexxielux isaltan, huwa wkoll kien profeta fit-tradizzjoni ta’ Vassalli u ta’ Dimech. Fil-konferenza ta’ Ħelsinki (1973-1975) Mintoff kien bassar u widdeb bil-qawwa kollha u b’insistenza kbira li “ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paci fil-Mediterran”.Kien fisser ukoll li l-paċi fil-Mediterran tinkiseb biss bid-djalogu mal-pajjiżi kollha tal-Mediterran, anke dawk mhux ewropej; bl-investiment mill-Ewropa fil-pajjiżi Għarab; u bid-diżarm, jiġifieri billi jittwarrbu l-armamenti mill-Mediterran. Illum, 40 sena wara Ħelsinki, din it-tbassira u twiddiba qegħdin ngħixuha, għax il-Punent, flok mexa lejn id-diżarm mexa lejn l-invażjonijiet militari u b’konsegwenza t’hekk l-attakki terroristi fl-Ewropa huma kontinwi.

Mintoff dejjem sostna wkoll li “il-valuri fondamentali li kulħadd Malta għandu jaqbel dwarhom huma tnejn:il-paċi u n-newtralita”. Spjega kif bin-newtralita inkunu nistgħu “naħdmu id f’id ma kull nazzjon,poplu,komunità u individwu li bħalna jridu li jinqerdu l-gwerrer u li l-bnedmin jgħixu bħal aħwa, mingħajr ma nagħmlu ħsara lil xulxin”

Aktar riċenti Mintoff widdeb u bassar ukoll kontra l-ftehim milħuq bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Saħaq li għandna nagħmlu ftehim fejn l-Unjoni Ewropea tiggarantixxi in-newtralita ta’ Malta, l-investiment f’Malta, id-dritt li Malta tagħmel ftehim ukoll ma pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, u li wara għaxar snin inkunu nistgħu nirrevedu. M’għandix dubju li Malta għad trid iddur lejn il-Perit Mintoff dwar din il-kwistjoni tant importanti.

Fil-ġrajja tal-poplu Malti Mintoff tal-bieraħ huwa l-quċċata ta’ Vassalli u ta’ Dimech. Mintoff ta’ għada huwa tal-paċi fil-Mediterran u ta’ ftehim differenti bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.