Jean-Luc Melenchon, hekk kif ftit ilu ġie elett fil-parlament ta’ Franza għamel l-ewwel stqarrija tiegħu billi qal li se jmexxi oppożizzjoni kontra l-gvern tal-President Macron mhux biss mill-parlament iżda anke mit-toroq ta’ Franza.
Melenchon huwa soċjalista u kien attiv fil-partit soċjalista Franċiż iżda fl-2008 huwa telaq minn dan il-partit għax rah li kien abbanduna lill-ħaddiema u xaqleb wisq lejn in-naħa tas-sidien. Wara l-2008 huwa ħoloq organiżazzjoni oħra soċjalista biex jikkumbatti favur il-ħaddiema. Kemm kellu raġun Melenchon deher ċar fl-aħħar elezzjoni tal-parlament, għax il-partit soċjalista ġarrab telfa tremenda, u minn 259 siġġu li kien tellgħa ħames snin ilu issa tellgħa biss 29 siġġu. Il-ħaddiema franċiżi indunaw li l-partit soċjalista kien abbandunhom.
Imma għaliex Melenchon issa qal li se jmexxi l-oppożizzjoni anke mit-toroq? Melenchon qal hekk bir-raġun kollu. Fl-elezzjoni li għadiet kif saret għall-parlament Franċiż, il-maġġoranza uriet li ma tridx lil Macron imexxi għax 57% lanqas biss ma marru jivvotaww. U mill-43% li ivvotaw, il-partit ta’ Macron ġab biss 49%. Dan jammonta għal nofs it-43% u jfisser li Macron għandu l-appoġġ ta’ anqas minn 22% tal-votanti Franċiżi.
B’dan kollu Macron diġà qal li l-ewwel li jrid jagħmel fi Franza huwa li jkompli jkisser id-drittijiet tal-ħaddiema. Qal li jrid jgħaddi liġijiet biex is-sidien ikunu jistgħu jkeċċu l-ħaddiema mix-xogħol bla raġuni valida. Qal ukoll li jrid jibdel il-liġi biex jagħti id-dritt lis-sidien ma jagħtux każ tal-unions u jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-pagi tal-ħaddiema individwalment, wieħed wieħed. Dan ikun ifisser li l-ħaddiem jitlef is-saħħa tal-ftehim kollettiv. Barra minn hekk, peress li Macron jaf li l-maġġoranza tal-poplu kontra tiegħu, jidher ukoll li fi ħsiebu jgħaddi dawn bla ma jressaqhom għall-approvazzjoni tal-parlament!
Għalhekk kien bir-raġun kollu li Melenchon iddikjara li se jopponi anke mit-toroq. Melenchon qal ukoll li l-ewwel battalja se tkun dwar id-drittijiet tal-ħaddiema. Bla dubju il-unions Franċiżi se jkunu wkoll parti minn din il-battalja għax huma wkoll diġà iddikjaraw li se jopponu lil Macron.