minn Sammy Meilaq President, FRONT MALTIN INQUMU.
Matul dawn l-aħħar snin kemm ilha għaddejja l-gwerra ċivili fis-Sirja, skond il-kalkoli uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, sa April tal-2016 kienu diġa inqatlu 400,000 ruħ, ħafna minnhom pajżana. Fost dawn tfal u nisa, kif ukoll 6,300,000 ruħ ħarbu mis-Sirja u huma rifuġjati f’diversi pajjiżi oħra, inkluż fl-Ewropa. Dan il-qtil, refuġjati, u t-tkissir tal-pajjiż kiber daqstant għax il-forzi militari kemm tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u anke tar-Russja indaħlu fil-ġlied u fil-provvista tal-armamenti lil gvern Sirjan jew lir-ribelli. L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea indaħlu biex itajjru lil Assad mill-poter waqt li r-Russja indaħlet għax permezz t’ Assad għandha bażijiet militari fis-Sirja.
Dan id-diżastru u l-qtil huwa argument kbir biżżejjed biex Malta mhux biss ma tkunx kompliċi f’dawn l-atroċitajiet imma Malta għandha topponihom bis-saħħa kollha. Iżda barra dan l-argument ewlieni hemm argumenti oħra li jkomplu jsostnu l-oppożizzjoni għall-interventi militari fis-Sirja, inkluż l-attakk bil-missili li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea għadhom kif wettqu kontra s-Sirja.
F’din il-gwerra l-ebda naħa ma tista’ titwemmen. (Attwalment huwa normali li fil-gwerra l-ebda naħa ma tista’ titwemmen!). Għax daqs kemm Assad ma jistax jitwemmen, allura kif tista’ temmem lill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea li biex invadew l-Iraq biex jaħtfu ż-żejt gidbu tant? U biex ħatfu ż-żejt tal-Iraq f’idejhom qatlu l-fuq minn nofs miljun ruħ, ħolqu żewġ miljuni u nofs refuġjati Iraqqin, kissru l-Iraq, u ħallewh imkisser sallum.
Imbagħad, barra minn hekk, l-attakki militari mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti kontra Assad huma attakki, vetrina tal-ipokrizija. Dan għaliex it-tnejn li huma regolarment fl-attakki jużaw il-bombi tal-uranju li huwa agħar minn kollox għax joħloq il-kanċer; u t-tnejn li huma jissupplixxu l-armi lid-dittaturi tal-Arabja Sawdija, tal-Bahrain, u tal-Emirati Għarab Maqgħuda biex dawn id-dittaturi jattakkaw l-iskejjel tat-tfal, l-isptarijiet, l-abitant, swieq, u saħansitra anke funerali u tiġijiet fil-gwerra ċivili li hemm fil-Jemen. Altru li vetrina tal-ipokrizija! Lil Assad iridu jtajruh mhux għax hu dittatur, imma għax mhux lest li jbaxxi rasu għalihom.
Dan kollu juri kemm Mintoff bena fuq iż-żonqor bil-politika tan-Newtralità u Non-Allineament. U kemm huwa fl-interess ta’ Malta li ma niċċappsux ma dawn l-attakki militari tal-Unjoni Ewropea u kemm għandna l-obbligu li nopponuhom bil-qawwa kollha.