Il-mira ewlenija li l-fundaturi tal-Unjoni Ewropea kellhom fil-bidu tat-twaqqif tagħha kienet li jispiċċaw il-gwerrer bejn il-pajjiżi Ewropej u b’hekk il-popli tal-Ewropa flok joqgħodu jitqagħtlu bejniethom, joqgħodu jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Din il-mira ewlenija kienet u għada immensament importanti, għax tul is-sekli il-pajjiżi tal-Ewropa ħlief jiġġieldu bejniethom ma kienux għamlu. Biżżejjed wieħed jiftakar fiż-żewġ gwerrer dinjin li l-Ewropa ħolqot matul is-seklu li għadda.
Għalkemm mill-aħħar gwerra dinjija ftit li xejn kien hemm ġlied intern fl-Ewropa, (fl-ex Jugoslavja u riċenti fl-Ukrajna), il-kbarat tal-Unjoni Ewropea ma fittxewx politika ta’ paċi ma’ kull pajjiż ieħor. Minflok ħadmu għall-paċi, daħlu, flimkien mal-Istati Uniti,fi gwerrer fl-Afganistan, fl-Iraq, fis-Sirja, fil-Libja, fil-Jemen, fil-Mali, fis-Sudan u f’pajjiżi oħra. Dawn kollha kienu gwerrer kontra pajjiżi żgħar li m’għandhomx is-saħħa militari biex jopponu l-qawwa tal-Istati Uniti u tal-pajjiżi tal-UE. Kollha kienu gwerrer taparsi għad-demokrazija imma fil-verita għall-kontroll fuq il-provista taż-żejt.
Il-kbarat tal-UE issa se jkomplu jarmaw aktar biex iżidu dawn il-gwerrer kontra pajjiżi żgħar biex ikomplu jisfruttaw ir-riżorsi naturali tagħhom. Ftit tal-ġimgħat ilu, f’laqgħa bejniethom fi Brussels, iddeċidew li jwaqqfu organizzazzjoni li sejħula Permanent Security Co-operation(PESCO) biex tmexxi dawn il-gwerrer. Il-budget li se jallokaw għaliha jilħaq il-biljuni ta’ euros. Merkel personalment qalet li din se ssir biex isiru aktar gwerrer, inkluż fl-Afrika. Il-kliem eżatt ta’ Merkel kien ” to carry out military missions in Africa, where we will not only consider the military aspect, but also…political solutions and development co-operation”.
Merkel qiegħda tgħid ċar u tond li biex issir koperazzjoni ma xi pajjiż tal-Afrika, l-Unjoni Ewropea trid l-ewwel tinvadi lil dan il-pajjiż! Ovvjament li trid Merkel u li jridu l-kbarat l-oħra tal-Unjoni Ewropea, mhux koperazzjoni iżda impożizzjoni militari fuq ir-riżorsi tal-pajjiżi tal-Afrika.
Il-gvern Laburista Malti ghandu l-obbligu morali li mhux biss ma jkunx parti minn dawn il-gwerrer u dawn l-attakki militari, imma ghandu l-obbligu li jopponihom pubblikament u bis-sahha kollha.