Il-gwerra li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea bdew kontra l-ħaddiema Griegi issa ilha għaddejja għal seba’ snin. Matul dawn is-seba’ snin, l-Unjoni Ewropea daħħlet lill-Greċja f’diżastru ekonomiku u soċjali li kellu mira waħda, dik li jkisser id-drittijiet industrijali u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema Griegi waqt li b’hekk tkompli tissussidja l-banek privati Franċiżi u Ġermaniżi li fallew lill-gvern Grieg.
Sabiex wettqu dan kollu il-kbarat tal-Unjoni Ewropea daħħlu lill-Greċja fi tlett kuntratti ta’ self ta’ flus (bailouts) li l-kundizzjonijiet tagħhom jorbtu li l-gvern Grieg inaqqas il-pagi, inaqqas il-penzjonijiet, inaqqas il-benefiċċji soċjali, ibih bix-xejn lill-privat l-entrapriżi tal-gvern, u jżid it-taxxi fuq min jaqla l-anqas flok fuq min jaqla l-aktar. Dawn is-seba’ snin allura kienu biss seba’ snin ta’ gwerra mill-kbarat tal-Unjoni Ewropea kontra l-poplu ħaddiem tal-Greċja.
Il-kbarat tal-UE, biex jingannaw lill-Griegi, dejjem qalulhom li bil-kundizzjonijiet li qedgħin jagħmlulhom fl-aħħar kollox se jirranġa ruħu u li s-sitwazzjoni dalwaqt tiġi lura għan-normal. Kemm dawn il-wegħdi kienu biss ingann, joħroġ ċar daqs il-kristall meta wieħed jara x’inhu illum ir-riżultat tal-bailouts tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżultat kien snin sħaħ ta’ rata ta’ qagħad ta’ 25%, rata ta’ faqar ta’ 33%, servizz tas-saħħa imkisser, u ekonomija li marret seba’ mitt sena lura.
Issa wara dan il-falliment imponut mill-kundizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-kbarat qedgħin jargumentaw li l-ħaddiema Griegi għadhom ma ssawtux biżżejjed f’din il-gwerra. Hemm bżonn jissawtu aktar! Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea qedgħin jordnaw lill-gvern Grieg biex ikompli jżid it-taxxi fuq min jaqla l-anqas, biex ikompli jnaqqas il-penzjoni li diġa tnaqqset għal €384 fix-xahar, u biex idaħħal liġi li l-ħaddiema jkunu jistgħu jitkeċċew mix-xogħol anke bla raġuni ta’ xejn. Jekk il-gvern Grieg ma jaċċettax, dawn il-kbarat qedgħin jhedduħ li jfalluħ.
Il-ħaddiema Griegi għandhom allura issa żewġ toroq quddiemhom. Waħda hija li jibqgħu ilsiera tal-kbarat tal-UE bl-użura li daħħluhom fiha. F’din it-triq tal-użura qatt mhu se jieħdu r-ruħ. L-oħra hija li joħorġu l-barra miż-żona euro u jerġgħu jmorru għall-munita tagħhom, id-drachma. Jekk jagħmlu hekk xorta jridu jgħaddu minn żmien iebes, iżda fl-aħħar jirranġaw is-sitwazzjoni żgur.
Jidher ċar iżda li l-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras se jerġa jittradixxi lill-ħaddiema Griegi għat-tieni darba u jaċċetta l-kundizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, wara li kien ġie elett bil-wegħda li jopponi l-imponimenti fuq il-poplu Grieg. F’dan il-każ il-klassi tal-ħaddiema fil-Greċja jibqalha triq waħda biex tipprova tevita aktar tbatija. Din hija it-triq tar-reżistenza permezz ta’ strikes ġenerali u tal-barrikati fit-toroq.