L-Unjoni Ewropea se żżid l-Attakki Militari.

Il-Kummissarju tal- Unjoni Ewropea responsabbli mill-politika barranija u mid-difiża, Federica Mogherini, f’intervista riċenti mal-ġurnal Taljan La Repubblica, tkellmet dwar l-attakki u l-invażjonijiet militari li l-UE twettaq kontra pajjiżi oħra bħala parti mill-politika barranija tagħha.

 

Dwar dan hija qalet li l-UE trid torganizza forza militari ġdida imsejha Gruppi tal-Battalja li jkunu kapaċi jattakkaw pajjiżi oħra barra l-UE. Trid li l-invażjonijiet u l-attakki militari jibew isiru flimkien mill-pajjiżi tal-UE u mhux kullħadd għal rasu. Allura l-UE se toħloq Kwartieri Ġenerali ġewwa Brussels li minnu jitmexxew dawn l-attakki militari. L-UE trid ukoll li anke ix-xiri tal-armamenti jibda jsir flimkien mill-pajjiżi tal-UE, mhux kull gvern għal rasu.

 

Bla dubju il-Parlament Malti għandu bis-saħħa kollha joħodha kontra dawn il-miri tal-kbarat tal-UE għal bosta raġunijiet, fosthom:

 

(1) L-interventi militari tal-UE huma immirati biex l-UE timponi bis-saħħa il-politika barranija tagħha fuq pajjiżi oħra. Fil-fatt f’Ġunju li għadda kienet Mogherini stess li sqarret dan pubblikament; kif ukoll huwa għalhekk illi il-politika barranija u l-militari tal-UE huma magħqudin f’ministeru wieħed. Dan mhu xejn ħlief faxxizmu-militarista.

 

(2) Il-kbarat tal-UE m’għandhom l-ebda mandatt mill-popli tal-UE biex iwettqu invażjonijiet u attakki militari. Dawn dejjem ġew imponuti b’mod anti-demokratiku.

 

(3) Dawn l-attakki militari jkomplu jkabbru it-terroriżmu bi tpattija kontra l-UE. Jekk Malta tkun parti mill-Gruppi tal-Battalja inkomplu nsiru mira tat-terroriżmu li jinħoloq bi tpattija.

 

(4) L-armata ta’ Malta tibda taqa’ direttament taħt l-ordnijiet tal-Kwartieri Ġenerali ġewwa Brussels, flok taħt l-ordnijiet tal-gvern elett demokratikament mill-poplu ta’ Malta.

 

(5) Lanqas il-Parlament Malti ma għandu xi mandatt biex ikun parti mill-Gruppi tal-Battalja.

 

(6) Il-Kostituzzjoni ta’ Malta torbotna li naħdmu għall-paċi permezz tan-newtralità, mhux nattakkaw militarment biex nimponu fuq ħaddieħor.