L-Istorja tkompli tarmi lis-Soċjalisti-taparsi.

hollandeFtit ilu Francois Hollande ħabbar li mhux bi ħsiebu jikkontesta għall-elezzjoni Presidenzjali li ser issir fi Franza f’April tas-sena d-dieħla. Mhux għax ma xtaqx, imma għax ħadd ma jridu. L-anqas il-partit tiegħu stess, il-Partit Soċjalista, ma jridu.

Ħadd ma jridu għax flok mexxa l-Franza fuq politika soċjalista, kif wiegħed qabel ġie elett, dejjem baxxa rasu għar-rieda tas-sidien privati tal-kapital bl-iskuża li aħjar inħallu lil dawn is-sidien ħielsa li jmexxu l-ekonomija bla ndħil ta’ xejn għax b’hekk fl-aħħar igawdi kulħadd, anke il-ħaddiema. Biex ikompli jaqdi lis-sidien mill-koxxa mexxa gwerra sħiħa kontra l-unions u l-ħaddiema biex kisser kemm felaħ id-drittijiet industrijali li l-ħaddiema Franċiżi kien irnexxielhom b’ħafna sagrifiċċji jirbħu fil-passat. Ir-riżultat tat-tmexxija tiegħu kien falliment totali għax ma rnexxielu jsolvi l-ebda problema, la tal-qagħad u lanqas tax-xogħol prekarju.

Francois Hollande illum jista’ jqis ruħu mormi mill-istorja bħala falliment li aħjar mingħajrhu milli bih, li aħjar qatt ma’ eżiżta bħala mexxej politiku.

Hollande huwa biss l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ mexxejja taparsi-soċjalisti fl-Ewropa li matul dawn l-aħħar snin ġew mormija mill-istorja. Il-lista tinkludi lil Tony Blair, Gordon Brown u Ed Miliband fir-Renju Unit; u lil George Papandreou ( u dalwaqt Alexis Tsipras) fil-Greċja. Matteo Renzi wkoll laqqat daqqa bir-referendum li tista’ twarrbu mix-xena politika. U Martin Shultz ukoll ġie mwarrab mill-presidenza tal-Parlament Ewropew.

Għalkemm huwa ħafna aħjar għall-klassi tal-ħaddiema u għall-unions li qiegħed jiġri hekk, mill-banda l-oħra qiegħed ikun il-lemin politiku li qiegħed jirnexxielu jirbaħ l-appoġġ fl-Unjoni Ewropea. Dan qiegħed jiġri għax il-partiti suppost tax-xellug ma jridux jerġgħu jaqbdu it-triq soċjalista u demokratika ta’ vera. Din hija it-triq tal-ekonomija mħallta fejn il-gvern jieħu parti diretta; fejn ix-xogħol ikun garantit u mhux prekarju; fejn il-unions ma jkunux imxekkla biex jieħdu azzjonijiet biex jiddefendu lill-ħaddiema; fejn min għandu l-aktar iħallas l-aktar taxxa u mhux il-kontra; u fejn tonqos id-diżugwaljanza soċjali.

Ir-rebħiet li qegħdin jagħmlu l-partiti tal-lemin fl-Ewropa huma kollha kaġun ta’ dan in-nuqqas minn naħa tal-partiti suppost soċjalisti.