F’ għeluq it-30 sena minn meta sar l-imblokk tal-Port il-Kbir mill-ħaddiema tat-Tarzna, hawn qiegħed jixxandar il-kapitlu mill-ktieb “Biċċiet minni” miktub minn Sammy Meilaq li f’ dak iż-żmien kien iċ-Chairman tat-Tarzna, fejn jirrakkonta l-ġrajja u li kien parti minnha. Illum sejra ssir konferenza ġewwa l-Ponta tal-Isla fl-10am.
“L-istorja tirrepeti ruħha. Dejjem kienet il-klassi tal-ħaddiema li sawretl-istorja ta’ Malta u llum il-klassi tal-ħaddiema bħalma għamlet 30 sena ilu fil-Protesta Nazzjonali tal-1958, qed terġa’ tieqaf quddiem il-qawwa ta’ pajjiż barrani b’saħħtu ħalli żżommu milli jdaħħal bastimenti nukleari fil-portijiet Maltin.
Kmieni waranofsinhar illum, ħaddiema tat-Tarznari għalqu l-bokka tal-Port il-Kbir b’mod li ħadd, lanqas dgħajsa jew lanċa, ma jkunu jistgħu jidħlu jew joħorġu. Dan għamluh billi d-daħla tal-Port imblukkawha bit–tanker kbir Amerikan “Copper Mountain” ta’ 80,000 tunnellata li ankrawh bil-pruwa tħares lejn Rikażli.”
l-orizzont: il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 1988 dwar il-jum ta’ qabel.
Fl-1987 il-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni u Eddie Fenech Adami sar Prim Ministru. Kuntrarju għall-Malta Labour Party, huwa mill-ewwel deher li jrid iqarreb lil Malta militarment lejn il-pajjiżi tan-NATO.
Tant illi fis-sena ta’ wara, 1988, huwa ftiehem mal-Gvern Ingliż biex l-aircraft carrier Ark Royal, flimkien ma’ xi bastimenti oħra tal-gwerra, jidħlu għal xi żmien fil-Port il-Kbir. Kien aċċetta wkoll illi l-Gvern Ingliż ma jagħti l-ebda garanzija li dawn ma jkunux qed iġorru armamenti nukleari. B’hekk il-gvern ħoloq konfront mal-Moviment tal-Ħaddiema- il-Malta Labour Party u l-General Workers’ Union.
Il-Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici, saħaq bis-sħiħ, kemm fil-Parlament kif ukoll barra, li dan se jxellef l-istatus ta’ Malta newtrali; li se jipperikola s-sigurtà tal-poplu Malti; li diversi pajjiżi oħra ma jaċċettawx dawn il-bastimenti; li meta n-nies ta’ Portsmouth ġewwa l-Ingilterra oġġezzjonaw għalihom, in-Navy Ingliża ma daħħlithomx fil-port.
Il-Prim Ministru, iżda, baqa’ jinsisti u qal fil-Parlament li hu jikkmanda min jidħol f’pajjiżna filwaqt li ma laqax talba tal-Oppożizzjoni Laburista biex dan is-suġġett jiġi dibattut fil-Parlament. Karmenu Mifsud Bonnici sejjaħ din il-viżita “invażjoni barranija nukleari”. L-Ark Royal kellha tidħol fil-Port il-Kbir il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 1988.
Kien f’din il-klima ta’ konfront politiku li ftit ġranet qabel tkellimt ma’ Alfred Micallef “il-Mickey”, Toni Coleiro, Ġużeppi Camilleri “il-Furnar” u Joe Sapiano, u ddiskutejt magħhom l-idea li nimblukkaw il-port permezz ta’ vapur kbir jismu “Copper Mountain” li kien maqbud ġot-tarzna, bla ekwipaġġ u bla xogħol għax sidu kien falla u ma ħallasx lit-tarzna tax-xogħol li kien sar fuqu. Qabel ħadna deċiżjoni finali bilfors li sħabi kellhom jikkonsultaw ma’ xi persuni oħra, għax mhux la kemm iċċaqlaq il-vapur u torbtu sal-bokka tal-port. Iżda sal-għada meta rġajna ltqajna qbilna li l-operazzjoni tista’ ssir dejjem jekk nippreparaw sewwa. Qbilna wkoll li tista’ tirnexxi biss jekk tkun sorpriża, inkella faċli li tfalli. Għalhekk aċċertajna li assolutament kollox jibqa’ mistur sal-aħħar. Lanqas lill-Partit Laburista u lill-GWU ma stajna ninfurmaw.
Ġurnata qabel kellha tidħol l-Ark Royal, il-Ħamis waqt il-ħin tal-break, sejjaħna meeting fi Pjazza Gavino Gulia, Bormla, għall-ħaddiema tat-tarzna fejn Karmenu Mifsud Bonnici kien il-kelliem ewlieni. Is-suġġett kien dwar din il-kwistjoni. Immedjatament, kif Karmenu Mifsud Bonnici spiċċa d-diskors tiegħu u niżel minn fuq it-trailer li konna fuqu biex nitkellmu, qbadt il-microphone u avżajt lill-ħaddiema biex minn hemm flok imorru għax-xogħol kulħadd jibqa’ ġej warajja u l-mexxejja l-oħra. Il-ħaddiema nħasdu xi ftit għax ma setgħux jifhmu għalfejn, iżda obdew. Dħalna t-tarzna minn Bormla u mxejna sal-moll Parlatorio South, taħt Kordin, fejn kien hemm marbut il-Copper Mountain, qisu mejjet jistenniena ntuh il-ħajja. U hekk għamilna!
Kien f’dan l-aħħar mument li għedna lil kulħadd li se nimblukkaw il-port. Tlajna fuqu minn jeddna, numru ta’ nies aktar milli biżżejjed biex inwassluh. Qabel ma nqalgħu ċ-ċimi, ġew fuqi r-riggers, fuq quddiemnett Pawlu “iċ-Ċiniż”. Staqsewni jekk jaqilgħux minħabba l-periklu tar-riħ. Jien erġajt staqsejt lura lil Pawlu, li bħala rigger għandu l-esperjenza f’dan ix-xogħol, jekk jaħsibx li l-vapur idur meta naslu faċċata tal-Belt bir-riħ kif kien. Qalli, “Ħeqq, naħseb,” iżda b’ton ta’ dubju wkoll. Bil-“Mickey” ħdejja, għedtlu, “Aqla’.”
Sadanittant, Toni Coleiro flimkien ma’ xi ħaddiema kien mar il-Birgu fejn ħadu f’idejhom il-laneċ tal-irmonk u telqu bihom lejn it-tarzna biex jaqbdu l-vapur u jiġbduh. Fl-istess waqt Michael Parnis ħareġ il-ħaddiema tal-Marsa Shipyard u dawn imblukkaw it-triq prinċipali li mill-Marsa tagħti lejn Bormla u Raħal Ġdid. Dan l-imblokk sar kemm bħala diversion kif ukoll biex jekk il-forzi tal-ordni jsiru jafu x’qed jiġri, jinżammu milli jersqu lejn Bormla. Hawnhekk ukoll Michael Parnis ma kienx informa lill-ħaddiema bl-iskop ta’ din l-azzjoni qabel mal-Copper Mountain kien qed jinġibed bit-tugboats.
‘L-orizzont’ tal-għada 24 ta’ Ġunju rrapportat hekk:
“Waqt li l-ħaddiema tat-Tarzna kienu għaddejjin bil-ħidma tal-imblokk tal-Port il-Kbir, il-ħaddiema tat-Tarzna tal-Marsa ħarġu wkoll u mblukkaw Triq Labour b’mod li minnha ma seta’ jgħaddi ebda traffiku fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Raħal Ġdid. Din il-protesta damet għal madwar siegħa.”
Malli t-tugboats qalgħu l-vapur minn mal-moll, allura xejn ma seta’ jżomm l-Copper Mountain. Kienu għalxejn il-patrol boats u l-helicopter tal-Forzi Armati. Setgħu jieħdu biss xi ritratti. Ir-riħ mil-Lvant, iżda, kien għalina l-akbar problema.
Il-Copper Mountain, mhux mgħobbi, b’shipside enormi u b’żewġ tugboats biss, kien se jiġi mfixkel sewwa biex jiddawwar f’nofs il-port lejn l-istarboard u jinġibed lejn il-bokka tal-port. Din il-parti tal-vjaġġ kienet għadha dubjuża, bil-biża wkoll li forsi anke jista’ jaħbat max-xatt tal-Belt. Mhux ta’ b’xejn li fil-mument meta beda’ jdur, u deher li se jegħleb il-forza tar-riħ, dawk fuqu għajjatna għajta ta’ ferħ.
Kif twassal sal-bokka tal-port tniżżlu l-ankri mill-pruwa u sar l-irbit tal-poppa man-naħa tal-Belt. Sadattant waslu żewġ laneċ tat-tarzna jiġbdu magħhom floating tressles biex iniżżlu lill-ħaddiema minn fuq il-vapur u wara ftit kulħadd reġa’ kien lura t-tarzna. L-operazzjoni marret eżatt skont il-pjan ħlief li ħaddiem wieħed aċċidentalment kiser siequ waqt li kien nieżel lura minn fuq il-vapur.
Xi ftit ħaddiema wara dehrilhom li messna għarraqna l-vapur fil-bokka tal-port. Dan, iżda, assolutament qatt ma kien fil-ħsieb tagħna. Kienet tkun azzjoni żejda u tnaqqas, mhux iżżid, il-valur tal-protesta. Kienet tagħlaq il-port għal tul ta’żmien b’riperkussjonijiet negattivi għall-aħħar.
L-azzjoni tal-ħaddiema tat-tarzna ħasdet lil Malta kollha u waqqfet l-Ark Royal milli jidħol fil-port l-għada l-Ġimgħa kif kien imħabbar uffiċjalment li kellu jsir. Il-miżien tal-forzi opposti f’din il-kwistjoni f’daqqa waħda xxaqleb sewwa favur in-naħa anti-nukleari u kontra l-gvern. Il-moral tal-Laburisti tela’ m’ogħla s-sema u deher ċar li jekk nibqgħu nissieltu għandna nirbħu. F’daqqa waħda wkoll il-kwistjoni ħadet importanza internazzjonali għax il-gazzetti Ingliżi tal-għada kollha rrapportaw l-azzjoni bl-akbar prominenza fil-paġni ta’ quddiem. L-istess għamlu diversi gazzetti oħra Ewropej u anke oħrajn Ġappuniżi.
L-għada l-Ġimgħa filgħodu kmieni, il-Gvern, permezz tal-Forzi Armati, irnexxielu jneħħi l-Copper Mountain mill-bokka tal-port u jorbtu ġewwa r-Ricasoli. Il-Gvern ippospona wkoll id-dħul tal-Ark Royal għas-Sibt filgħodu.
Hawnhekk l-MLP u l-GWU mmobilizzaw il-partitarji. Il-Ġimgħa filgħaxija ġie mgħajjat mass meeting it-Telgħa tal-Kurċifiss, il-Furjana. Tkellmu Joe Debono Grech, Anġlu Fenech, il-Perit Mintoff, u Karmenu Mifsud Bonnici. Il-General Workers’ Union tat diversi direttivi konnessi mal-port. Karmenu Mifsud Bonnici ordna lil-Laburisti kollha biex l-għada s-Sibt filgħodu kmieni kulħadd jinġabar il-Ponta tal-Isla biex titkompla l-protesta kontra l-bastimenti Ingliżi.
Michael Parnis u Marie Louise Coleiro, Segretarja Ġenerali tal-Partit Laburista, flimkien mad-Deputati Laburisti John Dalli u Alfred Portelli mexxew imblokk tal-port ta’ Marsaxlokk. Dan sar billi tpoġġew tugboat u numru ta’ braken f’nofs il-port. B’hekk ġie assigurat li l-Ark Royal lanqas hemm ma tkun tista’ tidħol. Il-ħaddiema li ħadu sehem f’din l-operazzjoni kienu l-aktar mill-Marsa Shipbuilding u mill-kumpanija Kalaxlokk.
Il-militanza tal-ħaddiema mhix xjenza biss, iżda hija arti wkoll. Hija xjenza, hija ġabra ta’ għerf miġbur tul iż-żmien, mill-anqas minn meta eluf ta’ snin ilu l-ilsiera Lhud ġewwa l-Eġittu rreżistew meta l-Farawni għolla l-imqietgħa ta’ kuljum tax-xogħol (5:7 u 5:8).
Tul dawn is-sekli kollha ż-żgħir dejjem żied jitgħallem kif jikkumbatti għad-drittijiet tiegħu. Iżda hija arti wkoll għax kull każ huwa uniku u jkollu problemi, kundizzjonijiet u ċirkostanzi uniċi li biex l-ilsir jegħlibhom irid jiddeċiedi u joħloq soluzzjonijiet għalihom li jkunu ġodda, spontanji u ta’ dak il-ħin. Hekk ġara l-għada s-Sibt 25 ta’ Ġunju.
Kmieni mas-sitta ta’ filgħodu Karmenu Mifsud Bonnici kien diġà qiegħed imexxi kotra kbira ta’ Laburisti fil-Ponta tal-Isla. Il-patrol boats bis-suldati armati kienu diġà fil-port u tliet helicopters iduru fl-ajru. L-iskajjel għall-Ark Royal kienu lesti f’Pinto Wharf.
Fit-tarzna kien hemm supertanker kbir jismu Olympic Rainbow, marbut ma’ Boiler wharf North, taħt is-sur tal-Isla, bil-pruwa tħares lejn il-Belt. Ir-riħ, bħall-jum ta’ qabel, kien il-Lvant. Għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu xi ħadd mill-ħaddiema ġieh f’moħħu li jekk dan il-vapur jinħall min-naħa tal-poppa waqt li jibqa’ marbut fin-naħa tal-pruwa, jista’ jibda jiddawwar bir-riħ fid-direzzjoni tal-Belt u b’hekk jerġa’ jostakola d-dħul fil-port. Wara ftit kont fejn dan il-vapur flimkien ma’ Toni Coleiro, Alfred Micallef “il-Mickey”, Michael Parnis, u xi ftit ħaddiema oħra. Mill-ewwel kont diġà b’sega f’idi biex naqta’ ċ-ċimi iżda Michael Parnis kien pront fakkarni li aktar sempliċi li niġbdu ċ-ċimi u naqilgħuhom minn ġol-bollard! Wara madwar nofs siegħa li l-Olympic Rainbow beda jiċċaqlaq ftit ftit bir-riħ, wasal bil-poppa fin-nofs tal-port. Il-Port il-Kbir kien reġa’ ġie mblukkat! Din id-darba kienet azzjoni fejn il-ħaddiema mexxew lilhom infushom b’mod spontanju, bla pjanijiet elaborati diskussi minn qabel, iżda b’ruħ mimlija twemmin u kuraġġ.

Sadattant, Lorry Sant flimkien ma’ numru ta’ ħaddiema tat-tarzna laħqu ħadu f’idejhom tliet tugboats u rmonkaw bihom mumru ta’ braken f’nofs il-port. Huma ġew interċettati mill-patrol boats tal-Forzi Armati li sparawlhom il-gass tad-dmugħ. Lorry Sant u l-ħaddiema rrispondew billi sparaw lura l-ilma mill-firefighters tat-tugboats u l-patrol boats kellhom jirtiraw.
Wara dan kollu l-Ark Royal dawret ir-rotta u rabtet ’il barra minn San Pawl il-Baħar. Ir-rebħa kienet kompluta.
Diversiħ kienu ġew arrestati mill-pulizija wara din l-azzjoni u miżmuma fiċ-ċelel tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Fosthom kien hemm Toni Coleiro, Alfred Micallef “il-Mickey”, Ġużeppi Camilleri “il-Furnar”, Michael Parnis u John Mansueto. John Mansueto kien ħaddied iżda kien ukoll liċenzjat bħala pilota, allura seta’ jieħu r-responsabbiltà li jidderieġi l-Copper Mountain f’dan il-vjaġġ storiku.
L-impatt internazzjonali ta’ din il-protesta kompla kiber ftit tax-xhurwara, f’Ottubru 1988. L-Ark Royal kellha tidħol ġewwa l-port ta’Melbourne fl-Awstralja fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq il-mitejn sena minn meta waslu l-ewwel kolonjalisti Ingliżi fl-Awstralja.
Hemmhekk ukoll saru protesti mill-poplu u mill-unions li waqqfu l-Ark Royal milli tidħol fil-port. Bla dubju l-protesta Maltija kienet l-ispirazzjoni għal dik ta’ Melbourne.
Il-ħaddiem jista’ jislet ħafna tagħlim minn din il-ġrajja: kemm huma utli l-armi tal-militanza u tal-ispontanjetà; kemm il-ħaddiem għandu bżonn għaqda mhux biss industrijali iżda anke politika; u kemm il-ħaddiem xorta għandu jkun attiv anke meta l-poter politiku jkun għand gvern ostili.