Dan l-aħħar kien hemm ħafna rapporti fil-media lokali dwar l-għoti ta’ flus lill-partiti politiċi biex dawn imexxu’ l-kampanji tal-elezzjoni. Jidher ċar li kulħadd qiegħed jaqbel li għandhom jiżdiedu ir-regoli biex ma jkunx hemm abbużi minn politiċi jew minn donaturi meta jingħataw dawn id-donazzjonijiet.
Iżda l-aktar ħaġa li hemm bżonn li ssir malajr hija li kumpaniji jew entitajiet oħra kummerċjali ma jitħallewx jagħtu flus jew għotjiet oħra lill-partiti politiċi. Għotjiet bħal dawn għandhom ikunu illegali. Dan għaliex huwa ovvju li meta xi kumpanija kummerċjali tagħti flus lil xi partit politiku tkun qiegħda tagħmel hekk biss biex ikollha l-imqiegħed u tkun tista’ tieħu vantaġġi kummerċjali. Wara kollox il-partiti politiċi m’għandhomx bżonn il-flus ta’ dawn il-kumpaniji privati. Jekk xi ħadd għandu dubju dwar dan, mill-ewwel ineħħieh jekk jara kif mexxa l-kampanja elettorali is-soċjalista Bernie Sanders is-sena l-oħra fl-Istati Uniti.
Fl-Istati Uniti biex tmexxi kampanja tal-elezzjoni trid il-miljuni kbar. Fuq in-naħa tar-Repubblikani Donald Trump ħadem bi flusu stess għax huwa sinjur kbir u seta’ jagħmel hekk. Fil-Partit Demokratiku kien hemm żewġ kontestanti li tellqu kontra xulxin għan-nominazzjoni. Hillary Clinton ġabet il-flus għall-kampanja minn għand il-banek u kumpaniji kbar privati. Iżda Bernie Sanders għamel il-kontra. Huwa iddikjara mill-ewwel u pubblikament li mhux lest jaċċetta l-ebda għotja minn għand xi kumpanija privata. Ġabar biss għotjiet zgħar minn għand in-nies. Il-medja tal-għotjiet li ġabar Sanders kienet biss ta’ 27 dollaru ras għal ras. B’dana kollu xorta ġabar il-miljuni daqs kemm ġabret Clinton u seta’ jmexxi l-kampanja tal-elezzjoni daqsha. Il-fatt li fl-aħħar intagħażlet Clinton biex tirrapreżenta lill-Partit Demokratiku seħħ biss għax il-kbarat tal-partit ħadmu kontra Sanders u favur tagħha, u mhux minnħabba xi nuqqas ta’ fondi ta’ Sanders.
Tajjeb li ngħidu wkoll li Sanders irnexxielu jiġbor ħafna flus minn għand in-nies għax kellu programm favur in-nies komuni u favur il-ħaddiema. Hawn Malta jagħmel sew il-Partit Laburista jitgħallem minn għand Bernie Sanders. L-akbar għotja li jista’ jingħata l-Partit Laburista għall-kampanja elettorali li jmiss isseħħ jekk iżid jaħseb fiż-żgħir matul din is-sena. Il-Partit Laburista għandu immedjatament iżid il-paga minima, jikkontrolla l-kera, idaħħal in-nies jaħdmu fl-entitajiet statali fejn hemm bżonn, u jrażżan ix-xogħol prekarju. Jekk jagħmel hekk jista’ minn issa jagħmel bħal Sanders ukoll u jgħid bil-quddiem li mhux lest li jaċċetta għotjiet minn għand kumpaniji kummerċjali.