
MINN SAMMY MEILAQ
L-2014 hija il-mitt sena minn meta bdiet l-ewwel gwerra dinjija. Allura fil-media qedgħin naqraw u nisimu ħafna dwarha: dwar l-akbar battalji miġġielda; it-tip ta’ armamenti użati; il-kbarat politiċi u militari li mexxewha; u dwar kif il-potenzi Ewropej komplew firxu din il-gwerra lejn l-Afrika u lejn l-Asja.
Iżda minnha nniffisha din il-gwerra żgur li ma fihjiex xi tqim jew x’tikkommemora. Kienet konflitt frott tar-rivalità bejn il-kapitalisti tal-akbar pajjiżi Ewropej, (l-Ingilterra, Franza, l-Ġermanja u r-Russja), rivalità dwar min se jirbaħ is-supremazija militari biex b’hekk jikkontrolla aktar il-kolonji, ir-rottot marittimi tal-kummerċ, u s-swieq internazzjonali. Ċertament ma kienx konflitt li nħoloq dwar kwistjonijiet li b’xi mod kienu jolqtu l-kundizzjonijiet soċjali tal-popli u tal-ħaddiema fl-Ewropa.
B’danakollu kienet il-klassi tal-ħaddiema li ġiet miġbura bil-lieva u mġegħla tmur fit-trunċieri biex tiġġieled. Kienet il-klassi tal-ħaddiema li ipprovdiet id-disa’ miljun militari li nqatlu u l-21 miljun ieħor li ndarbu f’din il-gwerra, barra is-seba’ miljuni pajżana li nqatlu wkoll. Il-kapitalisti li ħolquha għall-interessi tagħhom u għax kellhom il-poter politiku, qatt ma raw trunċiera b’għajnejhom, lanqas waħda vojta, aħseb u ara waqt il-battalja. Bix-xieraq allura li dwar din il-ġrajja il-qima tagħna għandha tmur lejn dawk l-eroj li opponew il-gwerra, mhux lejn dawk li ħolquha u mexxewha. Dawn kienu eroj li sofrew, marru l-ħabs u f’xi każijiet anke ġew iffuċillati.
Kien hemm diversi nies prominenti, ħafna minnhom mix-xellug politiku, li opponew il-gwerra.
Fir-Renju Unit, Keir Hardie, Skoċċiż li ta’ 10 snin kien diġa jaħdem fil-minjieri u li qatt ma mar skola, meta kiber waqqaf l-Independent Labour Party, kien fit-tmexxija tiegħu u anke kien ġie elett fil-House of Commons. Huwa tant kien kontra l-gwerra li saħansitra ipprova jorganizza strike ġenerali biex jevitaha.
Bertrand Russell illum huwa meqjus bħala l-filosfu ewlieni mir-Renju Unit ta’ matul is-seklu 20. Fl-1918 huwa nbagħat sitt xhur ħabs fi Brixton, Londra, minħabba l-attività tiegħu kontra l-gwerra. ( Fl-1961, fl-eta ta’ 89 sena Russell reġa ġie ikkundannat għal seba’ ġranet priġunerija għat-tieni darba ġewwa Brixton wara li ħa sehem f’dimostrazzjoni ġewwa Londra favur id-diżarm nukleari u nstab ħati li kiser il-paċi pubblika).
Fil-Ġermanja, Karl Leibknecht u Rosa Luxemburg waqqfu l-Spartacus League biex jopponu l-gwerra. Huma wkoll ipprovaw jorganizzaw strike ġenerali biex iwaqqfuha iżda ġew maqtulin it-tnejn minn gruppi paramilitari tal-lemin politiku.
Fost dawk li saħqu għall-paċi ħaqqu l-akbar qima wkoll il-Papa Benedittu XV li malli bdiet il-gwerra iddikjara l-Vatikan newtrali biex ikun jista’ jaħdem għall-paċi billi jidħol bejn iż-żewġ naħat. Huwa ikkunndanna l-gwerra permess tal-Enċiklika Ad Beatissimi Apostolorum; ikkundanna l-qtil bla sens li toħloq; sejħilha “is-suwiċidju tal-Ewropa ċivilizzata”; u ikkunndanna l-fatt li kienu l-gvernijiet tal-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja (f’dak iż-żmien) li kienu ħolqu l-gwerra.
Nistgħu nkomplu nsemmu diversi nies prominenti oħrajn li opponew il-gwerra u li anke sofrew għaliex għamlu din l-oppożizzjoni. Iżda kienu l-istrikes u r-ribelljonijiet tas-suldati u tal-ħaddiema li kellhom l-effett li waqqfu din il-gwerra u ġabuha fi tmiema. Filwaqt li l-mexxejja politiċi fil-but tas-sidien tal-kapital setgħu jinjoraw il-protesti tan-nies prominenti, bil-Papa Benedittu XV b’kollox, kienu l-istarjkijiet politiċi li tant dagħjfitilhom il-pożizzjoni militari li kellhom bilfors imorru għall-waqfien mill-ġlied.
Fil-27 ta’ Mejju 1917 is-suldati Franċiżi tal-Infanterija irrifjutaw l-ordni biex jiġġieldu kontra s-suldati Ġermaniżi. Huma abbandunaw it-trunċieri, marru lura mill-kamp tal-batalja u rrifjutaw li jerġgħu lura lejn it-trunċieri tal-battalja. Dan l-istrike kien persistenti u mifrux ma 49 Divizjoni tal-Infanterija Franċiża. Is-suldati kienu qedgħin jaraw b’għajnejhom kemm din il-gwerra ħlief ħerba u mwiet bla bżonn ma kienetx ġabet. L-azzjoni tas-suldati kienet strike politiku spontanju, maħluq u maħsub mis-suldati stess waqt li mexxew lilhom infushom. Dan l-istrike tant kien effettiv illi wara li seħħ, l-armata Franċiża ma setgħatx twettaq offensivi militari aktar sakemm spiċċat il-gwerra għax kien jidher ċar li s-suldati Franċiżi ma kienux ser jobdu jekk jintbagħtu jattakkaw. Barra minn hekk, għalkemm f’dan l-istrike politiku ħadu sehem eluf kbar ta’ suldati, l-awtoritajiet ma setgħawx jieħdu passi kontra tagħhom kollha. Fil-fatt ġew fuċillati 43 suldat wara qorti marzjali, numru żgħir ħafna relatat mad-daqs kbir tar-ribelljoni.
Tajjeb li jingħad ukoll illi dan l-istrike politiku u spontanju tas-suldati dejjem inżamm kemm jista’ jkun mistur mill-awtoritajiet Franċiżi. Xi dokumenti dwar din il-ġrajja saru pubbliċi fl-1967, ħamsin sena wara li seħħet. Iżda l-aktar dokumenti sensittivi, dawk li jittrattaw l-element politiku u militari tal-istrike għadhom maqfulin fl-arkivji.
Fil-Ġermanja ix-Xellug politiku kien attiv ħafna kontra l-gwerra u jmexxi ħafna propaganda biex il-ħaddiema jwettqu rivoluzzjoni li ttemm il-gwerra. Lejn l-aħħar ġranet ta’ Jannar 1918 il-ħaddiema fl-impjanti tal-munizzjon u tal-metall ġewwa Berlin bdew strike ġenerali kontra l-gwerra. Fi ftit tal-ġranet mal-400,000 ħaddiem kienu weqfin mix-xogħol. Fil-ġimgħat ta’ wara l-istrike infirex ukoll għal bliet oħra, fosthom Kiel, Hamburg, Mannheim, u Augsburg.
Dan l-istrike ħalla effett kbir loġistiku għax fixkel il-provisti għall-armata Ġermaniża. Iżda aktar importanti minn hekk wera li l-poplu Ġermaniz ukoll ried il-paċi u mhux il-gwerra. L-“iStrike tal-Munizzjon”, kif għadu magħruf sallum, kien strike politiku u spontanju biex iwwaqqaf il-gwerra, mhux biex il-ħaddiema jtejjbu xi kundizzjoni tax-xogħol tagħhom.
Bla dubju, iżda, l-akbar u l-aktar strajkijiet politiċi li ħallew effett kontra l-gwerra kienu dawk tal-ħaddiema Russi. Fir-Russja l-istrajkijiet u l-protesti bdew iseħħu sa mill-1915 il-quddiem. Il-Kżar Russu kien jirrispondi b’ripressjoni qawwija, inkluż sparar fuq id-dimostranti u l-piena tal-mewt lill-mexxejja. Iżda l-ħaddiema, magħqudin l-aktar wara l-partit Bolxevista immexxi minn Lenin, ma naqqsux mill-azzjonijiet, tant illi fi Frar 1917 il-Kżar kellu jwarrab mill-poter.
Iżda l-gvern proviżorju li daħal biex imexxi floku, iffurmat l-aktar minn nobiltà Russa, xorta baqa’ għaddej bil-gwerra. Allura l-istrajkijiet komplew żdiedu, inkluż fl-ibliet il-kbar bħal Moscow u Petrograd. Fost il-ħaddiema li strajkjaw kien hemm dawk tal-minjieri, tal-ferroviji, u tal-industriji u l-fabbriki. Barra minn hekk fil-kampanja il-bdiewa Russi bdew iqumu kontra is-sidien privati u jieħdu l-artijiet f’idejhom. Imbagħad fl-Ewwel ta’ Mejju 1917 il-Bolxevisti organizzaw strike ġenerali ta’ erba’ t’ijiem mill-ħaddiema u s-suldati fl-ibliet ewlenin tar-Russja bi protesta biex il-gvern jieqaf mil-gwerra. Ftit wara il-baħrin tal-Flotta Russa tal-Baltiku ħadu l-flotta f’idejhom u għamlu kumitat biex imexxuha huma stess flok ikomplu bil-gwerra.
Eventwalment il-Bolxevisti ħadu l-gvern f’idejhom u mill-ewwel bdew il-proċess biex tieqaf il-gwerra. Fil-fatt l-ewwel ftehim ta’ paċi kien dak ta’ bejn ir-Russja u l-Ġermanja finalizzat ġewwa Brest-Litovsk f’Marzu 1918. Il-paċi aħħarija bejn il-Ġermanja u l-Ingiltarra u Franza seħħet tmien xhur wara, f’Novembru 1918.
Meta l-popli u l-ħaddiema tal-Ewropa jqisu dawn il-veritajiet dwar l-Ewwel Gwerra Dinjija għandhom joħorgu diversi konkluzzjonijiet dwarhom, fosthom:
1 L-eroj tal-gwerra ma kienux il-mexxejja politiċi li qatlu għal xejn dawk il-miljuni ta’ żgħażagħ, imma l-eroj kienu dawk li ħaduha kontra l-gwerra.
2 Qedin naraw, u se nkomplu naraw, ċerimonji li jigglorifikaw l-erojiżmu militari tal-gwerra. Dan m’hu xejn ħlief ingann bil-popli tal-Ewropa billi jaħbu l-verità dwar kif il-paċi inkisbet permezz tal-istrajkijiet politiċi.
3 Għalkemm il-poter poltiku huwa normalment organizza fl-istituzzjonijiet, l-istrike ġenerali politiku u spontanju huwa l-akbar arma biex il-klassi tal-ħaddiema tfittex l-interessi tagħha.
4 Il-politika ta’ Newtralità hija l-unika politika li permezz tagħha gvern jista’ jaħdem biex iġib il-paċi bejn żewġ naħat li qegħdin f’taqbida.
5 Din il-gwerra wriet biċ-ċar kemm l-interessi tas-sidien tal-kapital huma opposti għall-interessi tal-klassi tal-ħaddiema. Għal erba’ snin sħaħ il-ħaddiema ġew meqjusin mis-sidien sempliċiment daqs prodott disposable, assolutament nieqes minn kull dritt uman.