Kollox imbidel biex…… – minn Micheal Grech

Dan l-artiklu kien ippublikat fuq il-ġurnal illum tal-Ħadd 18 ta’ Frar, 2018, miktub minn Micheal Grech li hu għalliem tal-filosofija fil-Junior Collage tal-Universita ta’ Malta

Jekk hemm ħaġa li dejjaqni hi l-attitudni li għandhom wħud minnha li xi ħadd li mhux Malti ma jistax jikkumenta jew jikkritika lil pajjiżna jew xi aspett tal-mod li bih ngħixu u naġixxu. Hi attitudni ħażina għax l-ewwelnett turi immaturita` fuq min iħaddanna. It-tieni turi mod imnellaħ ta’ kif wieħed jifhem kritika, bħallikieku din bil-fors hi xi ħaġa ‘kontra’. Il-kritika tista` tkun att ta’ mħabba; tħeġġiġ biex xi ħaġa li tapprezza issir aħjar. Naf bosta barranin li jew għexu jew ġew Malta li jikkritikaw aspetti ta’ kif ngħixu u naġixxu għax tassew jixtiqulna ġid. Wħud minnhom jippruvaw jiftħulna għajnejna dwar affarijiet li ġraw f’pajjiżi li minnhom ġejjin u li aktarx ser jiġru f’pajjiżna jekk ma noqgħodux attenti, bħall booms ekonomiċi li imbagħad jinfaqaw f’daqqa waħda, bini bla rażan li meta tispiċċa r-rebbiegħa jispiċċaw katavri vojta, u affarijiet negativvi, li ġa ġraw f’postijiet bħal Ċipru u Spanja. Hu stupidu li ma tismax u ma tweżinx kritika bħal din. Turi fl-aħħar mill-aħħar nuqqas ta’ sigurta u fiduċja fina infusna. Dan in-nuqqas jista` jkollu bosta għeruq. Wieħed minnhom żgur hu l-wirt kolonjali li baqa` f’moħħna.

The Empire Strikes Back….

Bħalma hi stupida l-idea li kull kritika li ġejja minn barra hi indħil, hi bla sens l-idea li kull ma jingħad dwarna minn (ċerti) għejjun l’hinn minn xtutna hu Vanġelu. Ċerta kritika u analiżi li saret fuq fatti reċenti f’pajjiżna ngħidu aħna, uriet traskuraġni u xi drabi diżonesta.  Ibda minn xi ħadd li sa ftit ilu kont nammira, l-kittieb Taljan Roberto Saviano, li saħansitra fl-ewwel siltiet tal-biċċa tal-20 ta’ Diċembru 2017 fuq il-gażetta Republica fejn jinnomina lil Daphne Caruana Galiza ġurnalista tas-sena, jieħu falza stikka meta jgħid li din il-ġurnalista ġiegħlet lill-gvern Malti jirriżenja. Ma jafx li f’pajjiżna li gvern isejjaħ elezzjoni ma jfissirx neċessarjament li l-gvern ikun irriżennja, ħaġa li anke l-aktar riċerkatur dilettant kien ifttex biex ma jgħatix impressjonijiet żbaljati. (Nispera li ma jużax l-istess ‘traskuraġni’ fir-riċerka meta jitkellem fuq il-Kamorra) U ibqa’ sejjer għal pastażati bħal programm tal-BBC fejn jaqsam lil Malta fi tnejn; Nazzjonalisti, jitkellmu b’Ingliż tajjeb u jħobbu l-ġustizzja u l-governanza, u Laburisti jitkellmu Ingliż ħażin u jemmnu li ġurnalista li titkellem wisq b’xi mod tistidinha jekk tispiċċa maqtula. Biex ma nsemmux it-ton paternalista ta’ bosta interventi u delegazzjonijiet tal-UE. (Sfortunatament fil-kontinent Ewropew ukoll ġieli mietu ġurnalisti, u f’wħud mill-każi il-qattiela ma nqabdux minkejja li d-delitti seħħew snin u mhux xhur ilu. Ma jidhirlix imma li minn Brussell joqgħodu jibgħatu d-delegazzjonijet jaraw kif sejrin l-inkjesti.) Bħal fi żmien l-Imperu imma, hemm min hawn Malta jekk joħroġ xi ħoss dwarna minn x’imkien li jidealiżża, jistma dan il-ħoss bħala l-vuċi t’oraklu. Jekk qabel dan l-oraklu kien il-Vatikan u/jew Londra, għal wħud illum sar (ukoll) Brussell. U mhux talli għad hemm min jemmen fl-orakli. Talli bħalma daqs sittin sena ilu kien hemm min iħobb jugża u jirraporta Ruma jew Londra, illum hemm min iħobb jgħajjat lill-mama tal-Belġju. L-idea ta’ diskussjoni serja u matura denja ta’ poplu sovran donnha ma tgħaddi minn moħħ ħadd. Jekk jirnixxieli nikkonvinċi lil Big Brother jgħid li int ġurdien, probabli nibda nemmen li tassew int hekk. Dan jirrifletti nuqqas ta’ stima lejna nfusna li wkoll, wħud mill-għeruq tagħha jinsabu fil-kolonja li baqet f’moħħna u qalbna.

Biex ma nsemmhux dak li ġara lill-Prim Ministru wara d-delitt tal-Bidnija. Sa ftit qabel dan donnu kien il-fessud ta’ bosta mill-medja Ewropea meta din kienet tirreferi għal Malta u gћal bosta fi Brussel. L-aktar fejn tidħol l-ekonomija, anke għalhiex f’dak li għandu x’jaqsam ma numri (u mhux neċessarjament ma nies), f’pajjiżna il-politika ekonomika li s-setgħana tal-kontinent Ewropew u mhux biss irewħu kienet qed twassal għal tkabbir. Muscat ukoll, f’dik li hi politika barranija ħa probabli l-aktar linja favur il-Punent li kellu Prim Ministru Malti mill-Inidpendenza l’hawn. L-istess dwar l-UE, bil-qofol ikun il-mea culpa li għamel pubblikament fil-medja internazzjonali qabel ir-referendum tar-Renju Unit. Bħal pedina taċ-Ċess li mhiex ewlenija, madankollu wara li ġara l-inċident Muscat spiċċa mniżżel mill-pedestal mill-istess medja u istituzzjoni Ewropej li sa ftit qabel kienu jfaħħruh. Anke dan imma hu sintomu tal-imperu; ta’ wlied Alla tal-ewwel diviżjoni u wlied Alla tat-tieni. Qabbel il-mod li bih il-medja internazzjonali u l-Unjoni Ewropea titratta lil Tony Blair li wkoll għandu konessjoni mill-qrib mal-Ażerbajġan; u li bħala Prim MInistru mhux sar delitt f’pajjiżu ta’ ġurnalist bħalma ġara fil-każ ta’ Muscat, imma hu responsabbli ta’ bosta demm imxerred l-Iraq; mal-mod li bih din qed titratta bħal issa lil Muscat.

Għal min ma indunanx dan l-artiklu ma kienx dwar Muscat, d-delitt u l-bqija, imma dwar il-kolonjaliżmu.

Tal-aħħar

Din aktarx m’għandhiex x’taqsam, imma forsi għandha ukoll. Kif ma staħax David Casa itellgħa il-qorti lil xiħ li (b’mod kundannabbli) parla fil-vojt fuq il-medja soćjali, u fl-istess ħin għaddej fuq quddiem fil-kanoniżazzjoni ta’ xi ħadd li fil-blogg tagħha kienet tuża frażiijet ħelwin bħal ‘they should be lined up and shot at dawn’ (Running Commentary, 3 ta’ Ġunju 2017)? Jew forsi għax il-qarrejja tal-blogg edukati, jifmhu l-Ingliż u jimxu mall-liġi, u kliem bħal dan ma jistax ikebbes fihom ħerqa għall-vjolenza? Jifmuha b’mod metaforiku? Jekk jagħmlu l-premju tal-ipokrita tas-sena naf li min ninnomina.