Qabel ma Jean Claude Juncker ġie impoġġi bħala l-kap tal-Kummissjoni Ewropea, huwa kien il-Prim Ministru tal-Lussemburgu. Waqt li kien Prim Ministru huwa organizza sistema sigrieta fil-Lussimburgu fejn korporazzjonijiet kbar privati ikunu jistgħu jaħbu l-qliegħ li jagħmlu ġewwa moħbiet u b’hekk ma jħallsux it-taxxa li suppost iħallsu, u minflok iħallsu xi ħaġa żgħira lil gvern tal-Lussemburgu.
Iżda għalkemm kollox kien qiegħed isir b’mod sigriet, fl-2014 Juncker xorta waħda inkixef. Grupp ta’ ġurnalisti, magħruf bħala International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ), xandar dokumenti li juru li f’moħba waħda biss kien hemm 240 korporazzjoni kbar privati qegħdin jaħbu l-qliegħ tagħhom. Fil-lista kien hemm il-Pepsi, il-Fiat, il-Heinz, l-Amazon, id-Deutsche Bank u ħafna oħrajn. B’kollox permezz ta’ din il-moħba waħda biss il-popli kienu qegħdin jitilfu għaxriet ta’ biljuni ta’ euros f’taxxa li suppost tħallsu lill-gvernijiet iżda ma tħallsu xejn. Dawn il-flejjes kollha kieku kienu jintużaw mill-gvernijiet għall-ħtiġijiet tal-popli.
Ftit tal-ġimgħat ilu l-istess International Consortium of Investigative Journalists kompla jxandar aktar dokumenti dwar Juncker li irnexxielu jakkwista. Dawn id-dokumenti kixfu kif Juncker, mhux biss organizza dawn il-moħbiet fil-Lussimburgu, imma fixkel kemm felaħ kull attentat fl-Unjoni Ewropea biex jiġu ikkontrollati dawn il-moħbiet. Fost kollox, dawn id-dokumenti kixfu kif Juncker irnexxielu jostakola kull attentat biex l-evażjoni tat-taxxa tiġi investigata u biex il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jgħaddu l-informazzjoni lil xulxin dwar it-taxxa.
Wara din l-imġieba anti-soċjali u immorali għall-aħħar, Jean Claude Juncker sar il-kbir nett tal-Unjoni Ewropea u għadu jokkupa l-kariga sal-lum. Allura aktar għandu saħħa biex ikompli għaddej bil-moħbiet. Tant hu hekk illi fl-aħħar laqgħa tal-kbarat immexxija minn Juncker dwar dawn il-moħbiet ġie deċiż li is-segretezza tal-moħbiet tibqa’ fis-seħħ u li l-pubbliku ma jkollux dritt ikun jaf x’inhu jiġri u jekk it-taxxa li suppost iħallsu l-korporazzjonijiet kbar privati hijiex qiegħda titħallas jew le.
Dawn il-fatti kollha jikxfu kemm fl-Unjoni Ewropea il-ħaddiema qegħdin jiġu misruqin u li hekk ser jibqgħu jekk ma jirribellawx kontra l-kbarat tal-Unjoni Ewropea, itajjruhom minn nofs, u jibnu relazjonijiet differenti bejn il-pajjiżi tal-Ewropa.