Jitwaqqaf il-Front tal-Mediterran fl-UE.

imagesIl-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Mediterran,inkluż Malta, għadhom kif qablu li jwaqqfu il-Front tal-Mediterran biex jaraw li l-pajjiżi tal-Mediterran ma jibqgħux żvantaġġati fl-Unjoni Ewropea. L-ewwel laqgħa għal dan il-għan saret fid-9 ta’ Settembru li għadda. Attendew għaliha il-prim ministri tal-Greċja, tal-Italja, ta’ Franza, ta’ Malta, u tal-Portugall, il-president ta’ Ċipru, kif ukoll deputat ministru Spanjol għax bħal issa m’hemmx gvern stabbilit fi Spanja. Il-konferenza li jmiss mistennija tiltaqa’ fil-Portugall.

F’din il-konferenza kien hemm qbil li l-pajjiżi tal-Mediterran qedin jiġu żvantaġġati bl-immigrazzjoni u li allura għandu jkun hemm tqassim tal-immigranti mal-kumplament tal-UE.

Iżda bla dubju l-aktar kwistjoni li tqanqlet kienet l-oppożizzjoni kontra l-politika ekonomika u anti-soċjali tal-UE, u kif din il-politika qedha tolqot ħażin lill-popli tal-Mediterran. Il-prim ministru Taljan Matteo Renzi qal li “l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ biss regolamenti, teknikalitajiet, djun, u awsterità”. U bir-raġun kollu li Renzi jgħid hekk! Għax matul dawn l-aħħar snin l-Italja, li dejjem kella timxi fuq l-ordnijiet tal-UE, spiċċat b’ekonomijia staġnata, fallimenti ta’ banek, u b’numru record ta’ 4,600,000 ruħ jgħixu f’faqar assolut.

Fil-Greċja is-sitwazzjoni hija agħar minn hekk. Wara snin ta’ tmexxija skond il-kundizzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea li irriżultaw fil-falliment ta’ żewg bailouts, issa anke it-tielet bailout tal-UE se jerġa jfalli. L-ekonomija tinsab f’riċessjoni qalila u d-dejn nazzjonali tela’ għal record ta’ 180% tal-prodott gross domestiku. Spanja, Ċipru, Franza u l-Portugall ukoll jinsabu f’diffikultajiet kbar ekonomiċi u soċjali, fejn il-qagħad, il-faqar u ix-xogħol prekarju kienu kontinwi matul dawn l-aħħar snin.

Il-mexxejja Mediterranji allura waqt il-konferenza argumentaw li bi dritt iridu li l-UE tirdoppja il-fondi li talloka għall-pajjiżi tal-Mediterran, għaliex dan id-diżastru li jinsabu fih huwa riżultat tal-politika ekonomika tal-UE, politika li għassret lill-popli biex issussidjat lill-ispekulaturi, lill-bankiera, u lill-korporazzjonijiet kbar privati biex dawn setgħu jibqgħu għaddejjin xalata. Ovvjament il-konferenza qedha tinsisti li l-UE tibdel il-poltika  żbaljata tagħha.

F’Malta is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, għalkemm problemi jeżistu, hija differenti minn tal-kumplament tal-Mediterran. B’danakollu xorta waħda il-Parlament Malti għandu mhux biss ikun parti mill-Front tal-Mediterran imma għandu jappoġġa bis-sħiħ l-argumenti u it-talbiet tiegħu. Hija verita sagrosanta li l-politika tal-UE ġabet dan il-falliment kollu. Barra minn hekk aħna ma jaqblilniex li l-pajjiżi ġirien tagħna jkunu fil-faqar. Anke għalina ħafna aħjar li dawn jaqbdu it-triq tan-normalita. Dan jista’ jseħħ biss billi l-UE tibdel ir-rotta.