11 ta’ Novembru 2023 – https://tvmnews.mt/

Grupp ta’ attivisti kitbu lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u talbuhom biex Malta tirtira lill-Ambaxxatur minn Tel Aviv minħabba ż-żieda fl-offensiva militari Iżraeljana f’Gaza u dawk li sejħu reati kontra l-umanità mwettqa minn Iżrael.
Huma tennew it-twemmin tagħhom li l-ġustizzja u l-ugwaljanza jġibu l-paċi u s-sigurtà; u li t-tradizzjoni ta’ Malta li tappoġġja lill-poplu Palestinjan hi rilevanti aktar minn qatt qabel quddiem dak li sejħu ġenoċidju li qed jitwettaq minn Iżrael. Qalu li t-talba tagħhom biex Malta tirtira l-Ambaxxatur għal Iżrael qed issir fl-isfont tal-ksur ripetut tal-liġi internazzjonali minn Iżrael. Żiedu jgħidu li Malta ma tistax tkun parti minn din is-sitwazzjoni, trid tmexxi bl-eżempju u tieħi pożizzjoni deċisiva fil-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Aktar minn 150 persuna, fosthom il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, u għadd ta’ organizazzjonijiet taw appoġġ lill-ittra li ntbagħtet lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin.