Iż-Żona Euro tkompli titriegħed

9446600_apstfIż-Żona Euro hija magħmula minn dsatax il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea li daħħlu l-euro bħala l-munita taghhom, fosthom Malta. Id-disgħa pajjiżi l-oħra tal-UE ma daħlux. Din iż-żona issa ilha tminn snin fi kriżi li ma tista’ teħles minnha b’xejn.  L-ekonomiji ta’ diversi pajjiżi fiz-żona  staġnaw, inkluż tal-Italja, Spanja, il-Greċja, il-Portugall, u Ċipru. Daqqa se jfalli gvern u daqqa se jfalli ieħor, u daqqa falla bank u daqqa falla ieħor.

Il-kbarat tal-UE, matul dawn it-tminn snin ta’ kriżi, dejjem sostnew li bil-miżuri li qedin jieħdu dalwaqt jeħilsu mill-kriżi. Iżda dejjem ġara l-kontra u l-fallimenti baqgħu għaddejjin. L-aħħar beraq f’din il-kriżi kienu l-falliment tal-bank Taljan Monte di Paschi di Siena u l-problemi finanzjarji kbar li għaddej minnhom il-bank Ġermaniż. Deutsche Bank.

Il-bank Taljan (MPS) huwa it-tielet l-akbar bank kummerċjali fl-Italja, jimpjega 25,000 ħaddiem u jaqdi erba’ miljun u nofs klijenti. Fl-2013 dan il-bank privat ġie salvat milli jfalli billi kien ingħata 3.9 biljun euro, iżda xorta baqa’ sejjer lura u issa għandu bżonn 5 biljun euro oħra biex forsi jibqa’ għaddej. Iżda l-MPS mhux l-uniku bank Taljan fi kriżi. Fil-banek privati Taljani  qedin jidhru bħal assi 360 biljun euro li attwalment ma jiswew xejn għax il-kumpaniji privati li isselfuhom, jew diġa fallew, jew waslu biex ifallu. Din hija somma fenomenali għax tammonta għal 18% tas-self kollu tal-banek Taljani.

Id-Deutsche Bank, barra li huwa l-akbar bank privat tal-Ġermanja, huwa ukoll l-akbar investment bank fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa dan il-bank qed jiffaċċja multa ta’ 14 il-biljun dollaru mill-gvern Amerikan għax kien inqabad  li tul snin sħaħ kien jagħmel qliegħ b’qerq u b’illegalita mill-bejgħ tad-djar fl-Istati Uniti. Għalkemm dan il-bank mhux mistenni li jfalli, b’din il-multa kbira żgur li se jieħu daqqa l-isfel.

Dawn il-fatti jkomplu juru kemm il-kriżi fiz-Żona Euro  għadha għaddejja u mhux minnu li l-kbarat tal-UE sabu tarfha. U mhux se jsibu tarfha, għax ma jridux. Illum kullħadd jaf illi l-politika tal-UE li tipprivatizza l-banek, kif ukoll li tħallihom fil-liberta li jistgħu joperaw kif iridu falliet. Tant saret spekulazzjoni, tant kibru it-tax havens, tant inħaslu flus tal-kriminalita, u tant saru frodi mill-banek privati li is-sistema bankarja privata saret kriminalita organizzata. Iżda l-kbarat tal-UE żgur li ma jimpurthomx minn dan kollu. L-aqwa li huma jkomplu għaddejjin fil-privileġġi.

Sa dan it-tant il-kriżi fiż-Żona Euro tkompli għadejja u l-klassi tal-ħaddiema fl-Ewropa tibqa’ iġġorr il-piż finanzjarju.

 

Importanti li nfakkru hawnhekk li l-kriżi f’Malta ma laqtitniex għax id-dejn tal-gvern m’huwiex mal-banek privati barranin, iżda huwa mal-Maltin stess, għax kieku intlaqatna ukoll. Iżda xorta qedin fil-periklu għax jekk ikun hemm falliment taż-Żona Euro inkunu fallejna aħna wkoll.