Ittra tad-29 ta’ Novembru, 2015 lill-Prim Ministru Joseph Muscat minn Sammy Meilaq, Karmenu Mifsud Bonnici, Mark Montebello, Micheal Grech u Charles Miceli

Onor. Prim Ministru

Berġa ta’ Kastilja,

Valletta

29 ta’ Novembru, tal-2015

 

Onorevoli Prim Ministru,

Aħna, hawn taħt iffirmati, inħossu li għandna publikament niddissassoċjaw lilna nfusna mill-approvazzjoni li donnu qiegħed jagħti kulħadd għall-invoviment ta’ Malta fil-gwerra li fiha l-gvern u l-oppożizzjoni għoġobhom idaħħlu lill-poplu Malti.

Għall-ewwel darba mill-Indipendenza ‘l hawn, Malta tinsab uffiċjalment involuta fi gwerra. Din hija gwerra li mhux ser tikseb l-għan li għalih suppost se tiġi miġġielda, jiġifieri t-tmiem ta’ qtil ta’ nies innoċenti għal skopijiet politiċi. Anzi, se tkun gwerra oħra li se tinvolvi dan it-tip ta’ qtil bil-possibiltà li twassal biex qtil bħal dan joktor fuq kull naħa tal-Mediterran.

Kemm id-deċiżjoni mhijiex għaqlija joħroġ minn diversi kunsiderazzjonijiet li wieħed jista’ jagħmel, fosthom:

  1. Id-deċiżjoni tinjora l-kuntest li fih qed issir dan kollu. Franza u pajjiżi ewlenin tal-Punent ilhom is-snin imdaħħlin f’maniġġi ta’ poter fir-reġjun, u mhux għal raġunijiet innoċenti.
  2. Il-gwerra qed issir lil gruppi li ġew armati mill-attakkanti tagħhom stess. Saħansitra l-Unjoni Ewropea neħħiet l-embargo fuq il-bejgħ tal-armi lir-ribelli minkejja li kienet taf li dawn kienu diġà qed jiġu ddominati minn gruppi fundamentalisti.
  3. L-‘għajnuna’ li tajna ftit snin ilu lil min attakka l-Libja spiċċat ġabitilna l-Istat Iżlamiku wara biebna. M kienx ikun aktar għaqli dak inhar li flok għaġġilna fittina soluzzjonijiet oħra?
  4. Bħal bosta gvernijiet oħrajn, il-gvern u l-oppożizzjoni donnhom jemmnu li l-unika soluzzjoni għas-sitwazzjoni tal-lum hi biss waħda military. Jidher li alternattivi paċifiċi bħalma huma dawk proposti mill-oppożizzjoni Brittanika u minn oħrajn mhux qed jiġu kkunsidrati bis-serjetà meta dawn aktar jaqblu mal-istat kostituzzjonali tagħna.

Nemmnu li b’hekk il-gvern u l-oppożizzjoni qegħdin jonqsu serjament mid-dmir kostituzzjonali tagħhom li ma jaħdmu qatt għall-gwerra; u qegħdin jiddimettu mid-dmir sagrosant tagħhom li jużaw kull mezz diplomatiku possibbli sabiex iġibu l-paċi, il-ftehim u l-għaqda fost il-ġnus.

FIL-KUXJENZA, MA NISTGĦUX NAPPROVAW DAN L-AĠIR U DAN IN-NUQQAS TA’ GĦAQAL. AĦNA MA NĦOSSUX LI GĦANDNA NINŻAMMU RESPONSABBLI TA’ KULMA JISTA’ JIĠRI LILL-POPLU TAGĦNA B’ RIŻULTAT TA’ DAN LI INTOM QBILTU DWARU.

 

Sammy Meilaq,  Karmenu Mifsud Bonnici,  Mark Montebello, Micheal Grech, Charles Miceli

cc. Onor. Kap tal-Oppożizzjoni

Mezzi tal-Midja