Il-Front Maltin Inqumu, permezz ta’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici u Sammy Meilaq, nhar l-20 ta’ Awwissu, 2018, kitbu lil Dr Vanni Xuereb, li huwa l-Kap tal-Malta-EU Steering and Action Committee għall-okkażjoni tal-attività “Għid Tiegħek Dwar l-Ewropa”. Il-FMI qiegħed hawn ixandar l-ittra kif ukoll ir-risposta ta’ Dr Vanni Xuereb.
Dr. Vanni Xuereb
Head
Malta-EU Steering & Action Comitee
208, Republic Street,
Valletta,
20 ta’ Awwissu, 2018
Għażiż Dr. Vanni Xuereb,
B’ riferenza għall-attività “Għid tiegħek dwar l-Ewropa” f’isem il-Front Maltin Inqumu qiegħdin ngħaddulek dawn il-kummenti għal kull konsiderazzjoni tiegħek.
L-ewwel Parti: Il-Problemi tal-Unjoni Ewropea:
(1) Ċentraliżmu u Demokrazija: Matul dawn l-aħħar madwar għaxar snin Brussell iċentralizza l-poter politiku mingħajr ma ippermetta bilanċ demokratiku ekwivalenti. L-għola pożizzjonijiet tal-poter tal-Unjoni Ewropea m’humiex eletti direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni; il-Parlament tal-Unjoni Ewropea ma għandux il-poter li jilleġiżla; u il-Bank Ċentrali Ewropew ma jaqa’ taħt ħadd, bla ebda kontabilità demokratika.
(2) Diversi policies anti-soċjali tal-Unjoni Ewropea, bħat-tnaqqis tal-benefiċċji soċjali u l-privatizzazzjoni tas-servizzi publiċi, ħolqu qasma ta’ żewġ nazzjonijiet mifruxa mal- Unjoni Ewropea b’rati għoljin ta’ faqar kontinwu tul is-snin, illum allura mequs li l-faqar fl-Unjoni Ewropea qiegħed hawn biex jibqa’.
(3) Il-politika tal-Unjoni Ewropea illum innegat il-mira ewlenija oriġinali tal-founding fathers tal-Unjoni. Din il-mira kienet li l-Unjoni Ewropea tinbena fuq il-paċi bejn il-ġnus. Minflok, l-Unjoni Ewropea tħaddan politika barranija ta’:
(a) Attakki militari, u saħansitra invazjonijiet, kontra pajjiżi żgħar li assolutament ma huma ta’ ebda theddida għall-Unjoni Ewropea. Dan qiegħed isir biex l-Unjoni timponi r-rieda politika tagħha fuq dawn il-pajjiżi permezz tat-theddida military.
(b) Kriminalità tal-Gwerra: Dawn l-attakki militari regolarment jinkludu l-uzu tal-bombi tal-uranju. Fl-Iraq intuza l-White Phosphorus; attakki fuq l-abitat, sptarijiet ecc dejjem qeghdin isiru aktar komuni.
(ċ) Ipokrezija: L-Unjoni Ewropea flimkien ma’ l-Istati Uniti u l-Al Qaeda attakat il-Libja, taparsi “to promote democracy” . Fl-istess waqt tappoġġja lis-Sawdi Arabja, li hija l-akbar stat Iżlamiku dittatorjali fid-dinja. Anzi id-dittatorjat tas-Sawdi Arabja tforniehbl-armamenti, inkluż bil-gass tad-dmugħ biex jintuża kontra dawk iċ-ċittadini li jipprotestaw għax iridu d-demokrazija.
(d) Ħolqien ta’ terroriżmu Iżlamiku: Dan il-militariżmu tal-Unjoni Ewropea (flimkien mal-Istati Uniti) huwa l-kaġun ewlieni tat-terroriżmu Iżlamiku li illum huwa theddida kbira u l-Unjoni Ewropea ma tistax issib tarfu.
(e) Refuġjati: Il-maġġoranza assoluta tal-immigranti li qiegħdin jaqsmu l-Mediterran lejn l-Unjoni Ewropea huma refuġjati li jaħarbu minn gwerrer li l-U.E hija parti fihom. Allura Brussell qatt ma jitratta dan il-kaġun tal-ħolqien ta’ din il-problema biex din tispiċċa darba għal dejjem. Brussell jitratta biss kif ir-refuġjati ser jitqassmu madwar Unjoni Ewropea. Dan l-aġir huwa garanzija ta’ krizi bla tmiem u bla soluzzjoni.
(4) Politika kontra l-Unjins u kontra l-klassi tal-ħaddiema: Fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali Brussell mexa b’mod li kontinwament xekkel id-drittijiet industrijali li l-ħaddiema Ewropej tant bagħtew biex rebħu matul is-snin. Dan il-fatt huwa l-aktar spjegat tajjeb fid-diversi riżoluzzjonijiet u stqarrijiet li l-European Trade Union Confederation ( li fiha tinkludi l-General Workers Union, lill-Confederation of Maltese Trade Unions u l-Forum Unjins Maltin) regolarment xandret pubblikament. F’dawn l-istqarrijiet l-ETUC dejjem ikkundannat il-policies ta’ Brussell dwar ix-xogħol prekarju, l-awsterità, it-tax havens, il-qagħad, it-tnaqqis fis-servizzi publiċi u aspetti oħra.
It-Tieni Parti: Malta u l-Unjoni Ewropea.
Il-Front Maltin Inqumu, aktar minn qatt qabel, għadu jsostni, kif dejjem sostna l-Perit Mintoff, li ftehim milħuq bejn Malta u l-Unjoni Ewropea għandu jinbidel għax kif inhu jiżvantaġġa lil Malta għax tlifna kull sovranità, u jekk l-Unjoni Ewropea ma taċċettax allura Malta għandha toħroġ.
Il-Ftehim ghandu jinbidel billi l-Unjoni Ewropea tintrabat li taghti dawn il-garanziji:
- Garanzija tan-Newtralità u Non-Allineament: Qabel id-dhul fl-Unjoni Malta kienet diga kisbet din il-garanzija minn erba’ pajjizi girien, l-Italja, Franza, l-Libja, u l-Algerija. Illum dawn il-garanziji mhux biss tfarrku, imma aghar minn hekk in –Newtralita Kostituzzjonali ta’ Malta giet abbuzata mill-Unjoni Ewropea bl-appogg ta’ mexxejja Maltin.
- Garanzija ta’ Investiment u ta’ Ghajnuna Ekonomika: Matul il-ġrajja, il-gvernijiet Ewropej li ħakmuna dejjem użawna għal skopijiet ta’ fortizza, allura Malta dejjem inżammet lura milli tkabbar il-potenzjal ekonomiku tagħha. Bi dritt allura l-Unjoni Ewropea għandha tiggarantixxi ammont ta’ investiment maqbul bil-quddiem għall-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta.
- Garanzija ta’ Ftehimijiet Oħra: Qabel id-dħul fl-Unjoni, Malta kienet diġa kapaċi tidħol fi ftehimijiet ma’ pajjiżi barranin, anke qabel ma rnexxielhom jagħmlu hekk il-pajjiżi ta’ l-Ewropa, bħal per eżempju il-ftehim maċ-Ċina. Allura Malta m’għandiex taċċetta li tintrabat li tixxekkel milli tidħol fi ftehimijiet oħra ma’ pajjiżi oħra barra mill-Unjoni Ewropea.
- Prova għal Għaxar Snin: Il-Ftehim ikun jgħodd għal għaxar snin u wara iż-żewġ naħat ikollhom id-dritt li jirrevedu.
Fil-każ li l-Unjoni Ewropea ma taċċettax allura Malta tibda l-proċess biex toħroġ mill-Unjoni. Hawn il-Front Maltin Inqumu irid ifakkar li l-pajjiżi żgħar tal-Ewropa (Andorra, Liechtenstein, Isle of Man, San Marino, u Monaco) ħadd minnhom ma daħal fl-Unjoni Ewropea imma kollha għandhom relazzjonijiet tajbin ma’ l-Unjoni u anke ftehimijiet bilaterali.
Nixtiequ jekk hu possibli li nattendu għas-sessjoni li jmiss tal-MEUSAC tal-attività “Għid tiegħek dwar l-Ewropa”.
SAMMY MEILAQ KARMENU MIFSUD BONNICI
PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU PRESIDENT ONORARJU FRONT MALTIN INQUMU
Risposta datata 21 ta’ Awwissu,2018
Għeżież Dott. Mifsud Bonnici u Sur Meilaq,
Nirringrazzjakom tal-ittra tagħkom li ġġib id-data tal-20 ta’ Awwissu dwar l-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini li f’Malta qed insejħula “Għid tiegħek dwar l-Ewropa”.
Dawn il-konsultazzjonijiet qed isiru fis-27 Stat Membru bl-għan li jgħin lill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern biex jidentifikaw il-prijoritajiet għal azzjoni fis-snin li ġejjin. Il-konsultazzjonijiet huma maħsuba wkoll biex b’mod konsultattiv, jiġu identifikati l-ideat u l-prijoritajiet politiċi għall-azzjoni fuq livell Ewropew.
Kif qal tajjeb il-Prim Ministru tagħna, jeħtieġ li din il-konsultazzjoni ma tieqafx mal-istess nies li jgħidu l-istess affarjiet, imma għandha titwessa’ bie tinkludi lil dawk li forsi ma jaqblux mal-mod kif qed titmexxa l-UE.
Wara l-attivita’ inizzjali li saret fil-31 ta’ Lulju, ser isuru numru ta’ laqgħat tematiċi fil-ġimgħat li ġejjin dwar temi marbuta mal-Futur tal-Ewropa bħall-innovazzjoni, l-immigrazzjoni, l-aġenda soċjali u l-agrikoltura. Nieħu pjaċir ħafna jekk intom u/jew membri oħra tal-FMI tipparteċipaw. Ser nara li tirċievu l-avviżi għal dawn il-laqgħat.
Minn-naħa tiegħi, ħadt nota tal-punti li qed tqajjmu fl-ittra tagħkom u ser nara kif dawn jiġu riflessi meta jitħejja r-rapport finali nazzjonali dwar il-konsultazzjonijiet.
Inselli għalikom
Vanni
Dr Vanni Xuereb
HEAD