It-Tqassim tal-Immigranti fil-Pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea – minn Dr. Karmenu Mifsud Bonnici

Fis-6 ta’ Settembru l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea caħdet l-ilmenti li l-Ungerija u s-Slovakia kienu resqu kontra l-iskema li l-Kunsill Ewropew tal-Unjoni kien fassal f’Settembru tal-2015, biex 160,000 mill-immigranti li daħlu fil-Greċja u fl-Italja jiġu mqassma bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni.

Il-qorti tal-Unjoni Ewropea qatgħet li d-deċizzjoni ta’ Settembru 2015 tal-Kunsill Ewropew ma kellhiex bżonn tkun maqbula mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni, għaliex ma kienetx ittieħdet skond il-proċeduri li bihom isiru l-liġijiet tal-Unjoni, u għalhekk ma kelliex bżonn il-qbil unanimu tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea qalet wkoll li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jadottaw miżuri proviżorji li jkunu meħtieġa biex jilqgħu għal sitwazzjoni ta’ emerġenza, bħal dik tal-invażżjoni f’daqqa ta’ immigrant fl-Unjoni Ewropea li seħħet fis-sena 2015.

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakja, ir-Rumanija u l-Ungerija kienu ivvutaw kontra l-iskema tat-tqassim tal-immigranti bejn il-pajjiżi  membri kollha tal-Unjoni.

Malta qablet ma’ l-iskema u messha kwota ta’ madwar 170 immigrant, u dawn diġa ġew f’pajjiżna.

Id-deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2017 tal-Qorti ta’ Unjoni Ewropea hija importanti għal pajjiżna għaliex tfisser li, meta l-Kunsill Ewropew b’maġġoranza jiddeċiedi li iqassam l-immigranti li daħlu, u li jidħlu fl-Unjoni, fost il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni, Malta ser ikollha taċċetta l-kwota tagħha minn dawk l-immigranti, minkejja li dawn l-immigranti ma jkunux ġew f’pajjiżna u lanqas ikunu jridu li jiġu f’pajjiżna.

Kemm l-Ungerija, kif wkoll is-Slovakia iddikjaraw li mhux bi ħsiebhom jaċċettaw il-kwota tagħhom tal-immigranti, minkejja d-deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru tal-Qorti tal-Unjoni.  L-istess sostna l-Gvern ġdid tal-Polonja, minkejja li l-gvern ta’ qabel ma kienx ivvota kontra l-iskema tal-kwoti fil-Kunsill Ewropew ta’ Settembru 2015.

Il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka sejjah id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea, deciżjoni politika, mhux skond il-liġi.

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Ungerija qal li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Unjoni hija waħda irresponsabli.

Il-Prim Ministru tas-Slovakia stqarr li d- deċiżjoni tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea mhix sejra tibdel l-oppożizzjoni ta’ pajjiżu għall-iskema tal-kwoti tal-immigranti.

 

Minn naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Unjoni Ewrepea responsabbli mill-qasam ta’ l-immigranti, wissa li l-pajjiżi membri li ma jaċċettawx li jieħdu l-kwota tagħhom tal-immigranti sejjrin jitressqu quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jiġu mogħtija penali mill-Qorti.

 

Dr. Karmenu Mifsud Bonnici