MINN SAMMY MEILAQ PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali il-poplu Taljan ivvota bi ħġaru kontra l-mod kif qed titmexxa l-Unjoni Ewropea għax l-aktar li ġabu voti kienu l-Moviment Cinque Stelle u l-Lega flimkien mal-Forza Italia. Kien vot ta’ protesta qawwija kontra l-politika anti-soċjali tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea, politika li tpoġġi fuq quddiem nett l-interessi tal-kumpaniji kbar u tal-banek privati waqt li twarrab il-ħtiġijiet soċjali tal-popli.
Issa jidher li l-protesta tal-poplu Taljan se tikber u ssir ribelljoni sħiħa. Jidher li ċ-Cinque Stelle u Lega se jifformaw gvern li jopponi l-politika kif imponuta minn Brussel. Lesti li jiggarantixxu dħul ta’ flus biex kulħadd ikun jista’ jgħix diċenti. Lesti ukoll li jikkontrollaw l-immigrazzjoni lejn l-Italja.
Din il-kwistjoni tal-kontroll tal-immigrazzjoni tista’ tidher li hija politika anti-soċjali. Imma l-politika anti-soċjali l-ewwel ma qiegħda tiġi hija mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea. 80% tal-immigranti huma refuġjati mill-bombi li jkunu qegħdin jintefgħu fuqhom f’pajjiżhom, u l-kbarat tal-Unjoni Ewropea kienu u għadhom fuq quddiem nett biex jordnaw l-attakki militari fuq il-pajjiżi li minnhom jiġu mġiegħla jaħarbu r-refuġjati, fosthom l-Afganistan, is-Sirja, il-Libja, l-Iraq u l-Jemen. Issa mbagħad meta ir-refuġjati jaslu fl-Ewropa jitħallew jiġu misruqa billi jingħataw l-agħar pagi u l-agħar kundizzjonijiet tax-xogħol. Daqshekk qalbom taħraqhom għall-immigranti l-kbarat tal-Unjoni Ewropea!
U fejn ma jitfgħux il-bombi jagħmlu mod ieħor. Mill-Eritrea jaħarbu ħafna nies għax hemm dittatorjat tal-armata. U l-kbarat tal-Unjoni Ewropea lill-gvern dittatur tal-Eritrea jtuh il-miljuni kull sena minn flus il-popli tal-Ewropa biex dan jibqa’ jaħqar lill-poplu Eritrean, in-nies jibqu’ jaħarbu, u jiġu fl-Unjoni Ewropea jaħdmu bix-xejn għas-sidien tal-kumpaniji privati.
It-Taljani jidher li fehmuh sewwa dan l-ingann ta’ Juncker, Merkel, Macron u Tusk. Fix-xhur li ġejjin ir-ribelljoni fl-Italja se tikber sew.