Ir-Referendum fl-Italja

renziIl-Ħadd 4 ta’ Diċembru il-poplu Taljan ivvota f’referendum mgħajjat mill-Prim Ministru Matteo Renzi. Id-deċiżjoni ewlenija li ried Renzi minn għand il-poplu kienet li jwarrab is-Senat, li huwa elett mill-poplu u li jħalli biss il-Kamra tad-Deputati (li hija eletta wkoll) tmexxi l-pajjiż. Renzi qal li dan hemm bżonn iseħħ biex jonqos ix-xkiel u l-ħela ta’ ħin biex jgħaddu il-liġijiet u b’hekk il-gvern tal-ġurnata jkun aktar effiċjenti. Ir-riżultat tar-referendum kien li 60% ivvotaw kontra l-proposta ta’ Renzi.

Għaliex dan ir-riżultat u xi jfisser?

Huwa minnhu li s-sistema politika Taljana timxi bil-mod u li biex tibdel xi ħaġa trid taqbes ħafna xkiel. Imma it-Taljani indunaw li l-vera mira ta’ Renzi ma kienetx biss li jdaħħal aktar effiċjenza politika. It-Taljani jafu li diversi banek kbar privati, fosthom il-Monte dei Paschi di Siena, fallew. Jafu li fil-banek privati hemm 360 biljun euro jidhru bħala assi iżda fil-verita huma djun li qatt ma jistgħu jitħallsu lura lill-banek għax huma djun riżultat ta’ korruzzjoni jew spekulazzjoni. Jafu wkoll li bilfors xi ħadd se jkollu jagħmel tajjeb. U skond il-politika tal-Unjoni Ewropea dejjem spiċċa jkun iż-żgħir li jagħmel tajjeb għad-dnubiet tal-kbir. Allura indunaw li Renzi jrid jiġma aktar il-poter mhux sempliċiment biex iħaffef is-sistema politika, imma biex bla ħafna xkiel ikun jista’ jimxi mal-politika tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea u jitfa’ l-piż fuq il-ħaddiema u min jiflaħ l-anqas, flok fuq min ikkaġuna din il-kriżi fil-banek.

Mhux ta’ b’xejn illi Goldman Sachs u J.P.Morgan, tnejn mill-akbar banek privati tad-dinja ħarġu jappoġġjaw lil Renzi u jappellaw lit-Taljani biex jivvutaw kif ried Renzi! Ara dawn il-banek x’jimpurthom kemm jinħela ħin biex tgħaddi xi liġi fil-Parlament Taljan! U mhux ta’ b’xejn li Juncker ukoll appoġġja lil Renzi. Iżda mhux ta’ b’xejn ukoll li l-unions Taljani ħarġu bi ħġarhom kontra Renzi għax indunaw bl-ingann ta’ wara it-tibdil li huwa ried.

It-Taljani jafu ukoll illi mill-1999, meta l-Italja issieħbet fiż-żona euro, sallum għaddew sbatax –il sena u li matulhom l-ekonomija tal-pajjiż għada fl-istess livell tal-1999. U ħadd ma jista’ jsib tarf tal-qagħad, tal-faqar u tax-xogħol prekarju waqt li l-ftit dejjem jistgħanew aktar. Għalhekk ukoll iż-żagħżagħ kienu l-aktar li ivvotaw kontra fir-referendum għax 81% ta’ dawk bejn it-18 il-sena u l-34 ivvotaw kontra.

Din l-istorja issa trid tkompli. Trid tkompli politikament għax Renzi irriżenja minn Prim Ministru. Iżda trid tkompli ukoll ekonomikament, speċjalment fil-każ tal-banek privati. Minn naħa tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea diġa kienu pronti għamlu l-ewwel pass, għax l-għada tar-referendum, fil-5 ta’ Diċembru, mill-ewwel wissew lit-Taljani li jridu “jieħdu miżuri addizzjonali sinifikanti” biex l-Unjoni Ewropea taċċetta il-budget tal-gvern Taljan għas-sena id-dieħla. Kulħadd jaf li “miżuri addizzjonali sinifikanti” għall-kbarat tal-Unjoni Ewropa tfisser aktar sensji, aktar xogħol prekarju, u aktar qtugħ ta’ benefiċċji soċjali.