Il-poplu Malti illum ma jistax verament jiċċelebra l-Ħelsien, imma jista’ biss ifakkru. Fil-31 ta’ Marzu 1979 il-poplu Malti ħeles mill-kolonjaliżmu militari tal-Ingilterra. Dan il-jum kien l-ewwel jum ta’ ħelsien wara 3000 sena ta’ ħakma minn forzi barranin fuq il-poplu Malti. Ħakmuna l-Feniċi, il-Kataġiniżi, ir-Rumani, in-Normanni, l-Għarab, il-Kavallieri, il-Franċiżi u l-Ingliżi.
Iżda ma tantx domna ħielsa. Fl-2004 il-poplu aċċetta permezz ta’ referendum li Malta tidħol membru fl-Unjoni Ewropea. Kien jidher ċar li b’hekk tlifna id-dritt li mmexxu lilna nfusna u li se nerġgħu niġu ikkmandati mill-kbarat li jmexxu l-Unjoni Ewropea.
Ftit wara, fl-2008, komplejna ħadna daqqa oħra l-isfel meta l-Parlament ta’ Malta aċċetta li Malta tintrabat bit-Trattat ta’ Lisbona. Permezz ta’ dan it-trattat il-qrati Maltin ġew taħt il-qrati tal-Unjoni Ewropea u jridu jimxu skond kif jiddettaw dawn il-qrati. Intrabatna wkoll li l-politika monetarja tagħna tibda tiġi deċiża mill-Bank Ċentrali Ewropew, flok mill-gvern Malti elett demokratikament mill-poplu Malti. Tlifna wkoll id-dritt li nidħlu fi trattati ma pajjiżi oħra, waqt li intrabatna li naċċettaw li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea jistgħu jdaħħluna fi trattati, irridu u ma rridux.
Barra minn dan it-telf kollu, tlifna wkoll id-dritt tal-veto. Meta fl-2004 il-poplu Malti aċċetta li jidhol fl-Unjoni Ewropea, dħalna bil-kundizzjoni li kellna l-veto, jiġifieri id-dritt li fejn ma naqblux ma proposta nistgħu nwaqqfuha milli tiġi imponuta fuqna. B’dan it-Trattat ta’ Lisbona dan id-dritt tlifnieh u ingħatajna biss id-dritt għal vot ta’ wieħed minn elf ( 0.1%) fid-deċiżjonijiet! Issa ġejna li mhux biss tlifna l-Ħelsien imma aċċettajna wkoll li l-kbarat tal-UE jagħmlu li jridu bina.
Allura illum il-poplu ma jistax jiċċelebra l-Ħelsien, imma jista’ biss ifakkru biex iżomm ħaj ir-rieda li Malta terġa, bid-dritt kollu, tikseb il-Ħelsien tagħha.