In-Nazzjonaliżmu fl-UE: Dak Ġermaniż huwa l-akbar wieħed.

 

minn Sammy Meilaq, President; FRONT MALTIN INQUMU.

 

L-Unjoni Ewropea għaddejja minn żmien ta’ qawmien ta’ nazzjonaliżmu f’ħafna pajjiżi, nazzjonaliżmu li kiber sew matul dawn l-aħħar snin. Il-popli fl-Unjoni Ewropea qegħdin aktar u aktar jappoġġjaw partiti li jpoġġu l-interessi nazzjonali tagħhom qabel kollox. Sabiex jagħmlu dan huma qegħdin ħafna drabi jkollhom jopponu id-deċiżjonijiet imponuti mill-Unjoni Ewropea. Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea jopponu dan in-nazzjonaliżmu u jargumentaw li dan hu ħazin għax ma jħallix li l-Unjoni Ewropea tkompli tingħaqad.

 

Ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali fl-Ungerija kien turija oħra popolari ta’ nazzjonaliżmu dejjem jikber. Iżda il-verita hija li kienu l-istess kbarat tal-Unjoni Ewropea li żeraw il-qawmien tan-nazzjonaliżmu fl-Unjoni!

 

Il-kbarat dan għamluh madwar ghaxar snin ilu meta imponew it-Trattat ta’ Lisbona fuq il-popli tal-Ewropa. Għax ir-riżultat ta’ dan it-trattat kien li għamel lill-poplu Ġermaniż superjuri għall-popli l-oħra fl-Unjoni Ewropea. Qabel dan it-trattat kull pajjiż kellu l-veto fid-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, allura kull pajjiż anke jekk żgħir kellu vuċi importanti fit-tmexxija. Il-veto spiċċa u id-deċiżjonijiet bdew jittieħdu skond il-popolazzjoni li kull prim ministru jirrapreżenta.  Ovvjament, peress li l-Ġermanja għandha l-akbar popolazzjoni allura l-aktar li jgħaddi huwa dak li tgħid il-Ġermanja. Bla dubju dan kien pass enormi lejn qasma fis-sovranità fl-Unjoni Ewropea, kien pass politiku li ikkaġuna reazzjoni ġustifikata fost in-nazzjonijiet l-oħra tal-Ewropa u kabbar u se jibqa’ jkabbar in-nazzjonaliżmu fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

 

Fil-kas tagħna Malta qatt ma seta’ jkolla vuċi fl-Unjoni Ewropea u dħalna biss biex nobdu lill-kbarat li jmexxu l-Unjoni. Iżda meta tneħħa l-veto bit-Trattat ta’ Lisbona, Malta kompliet tilfet, tista’ tgħid kollox. Issa jekk niġu biex nivvotaw, is-saħħa tal-vot ta’ Malta huwa ta’ wieħed minn elf! Li fil-prattika ma jiswa xejn!