29 ta’ Mejju 2022 – https://tvmnews.mt/

Read in English
Tħabbret il-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb.
Fl-aħħar jiem Zarb, li kellu 68 sena, kien rikoverat fl-isptar.
Kien ibnu Elton li ħabbar dan fuq Facebook.
Huwa qal li qatt ma basar li għad irid jikteb dan il-kliem.
“Pa, l-imħabba li għandi għalik m’hu se tmut qatt”, huwa kiteb.

Il-GWU esprimiet id-dieqa tagħha għall-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali tagħha.
Hija qalet li Zarb dejjem qabeż għaż-żgħir u għall-ħaddiema.
Il-GWU sostniet li huwa se jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu lejn it-trejdunjoniżmu u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Is-Segretarju Ġenerali attwali, Josef Bugeja, qal li fuq bażi personali jinsab bla kliem u jiddispjaċih għat-telfa ta’ ħabib kbir tiegħu.
Lil Tony Zarb ilni nafu żmien twil. Professjonalment tgħallimt ħafna mingħandu anke dwar negozjati li rajt isiru. Tlift ħabib li trabbejt u kbirt miegħu.
Josef Bugeja
Bugeja żied li l-ħaddiema f’pajjiżna tilfu trejdunjonista li ta qalbu għalihom u sostna li l-unjin tinsab ixxukkjata għax tilfet pilastru li ħabb lill-ħaddiem u lil Malta.

Fost dawk li esprimew is-sogħba tagħhom kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela.
Huwa ddeskriva lil Zarb bħala bniedem li dejjem ġab liż-żgħir u lill-ħaddiem l-ewwel.

Il-PL sellem il-memorja tiegħu u ddeskrivih pijunier favur is-soċjaliżmu u l-ħaddiem.
Il-PN ukoll sellem il-memorja ta’ Zarb fejn qal li jibqa’ sinonimu mat-trejdunjoniżmu.
Huwa żied li l-Kap tal-partit, Bernard Grech, kien qed jibgħat il-kondoljanzi lill-familja.
Zarb serva bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU bejn l-1998 u l-2015.
Huwa kien daħal fil-GWU fl-1985 u fl-1987 inħatar Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport.
Wara li ħalla postu għas-Segretarju Ġenerali attwali, Josef Bugeja, huwa sar Segretarju Ġenerali tat-Taqsima Pensjonanti tal-istess unjin.
Huwa kien irċieva Ġieħ ir-Repubblika għall-ħidma trejdunjonistika tiegħu.
Zarb, li kien jgħix iż-Żejtun, ingħata wkoll Ġieħ il-Furjana, raħal twelidu.