MINN SAMMY MEILAQ PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU
Il-Front Maltin Inqumu minn dejjem tkellem kontra l-banek-moħbiet (tax havens) fejn il-ħallelin jistgħu jaħbu flushom biex ma jħallsux taxxa bħal ma jħallsu l-ħaddiema. Fl-Ewropa anke l-unions, fil-European Trade Union Confederation, jopponu bis-sħiħ dan is-serq. Imma issa anke l-Vatikan ħareġ fil-pubbliku biex jopponi, tant illi sejjaħ dawn il-banek-moħbiet “ticking time-bombs”, jiġifieri bombi li fl-aħħar se jisplodu.
Il-Vatikan dan għamlu riċenti meta xandar dokument tal-fidi fejn ikkundanna is-sistema ekonomika-finanzjarja li l-kbarat qegħdin illum jimponu fuq il-popli tista’ tgħid tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Id-dokument tal-Vatikan jgħid li is-sistema ekonomika-finanzjarja qiegħa tkabbar id-diżugwaljanza tant li l-aktar għaxar sinjuri fid-dinja illum jikkontrollaw madwar 50% tal-ġid kollu li jiġi prodott mill-ħaddiema tad-dinja kollha! Ikompli jgħid li s-sistema ekonomika kif imħaddma mill-kbarat u l-kapitalisti qed toħloq aktar faqar, qed teqred l-ambjent, qed toħloq kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u qed ixxekkel l-iżvilupp tal-personalità tal-bniedem.
Fost kollox, f’dan id-dokument, il-Vatikan jopponi bis-sħiħ il-banek-moħbiet u jgħid li għandu jkun hemm aktar regoli stretti biex jispiċċa is-serq bl-evażjoni tat-taxxa mill-kumpaniji kbar u mill-kbarat. It-taxxa li ma titħallasx kieku tintuża għall-bżonnijiet tal-poplu.
Dan kollu juri kemm fl-Ewropa qed tikber l-oppożizzjoni kontra dan is-serq minn fuq dar il-poplu. Il-Front Maltin Inqumu hawnhekk ifakkar li anke l-poplu Malti ingidem, u għadu jingidem sew, minn dawn il-moħbiet. Meta inkixef il-każ tal-iSwissleaks, irriżulta li kien hemm 600 miljun euro f’139 kontijiet moħbijin minn kbarat Maltin fl-HSBC tal-Iżvizzera. Issa meta wieħed iqis li dan huwa każ ta’ bank wieħed biss u li dan il-bank inkixef għax kien hemm impjegat li kixef kollox, allura wieħed jista’ jaħseb kemm qed jiġi misruq il-ħaddiem. U l-ħaddiem iħallas it-taxxa qabel jaqbad il-paga permezz tal-pay as you earn, il-PAYE!
Hawnhekk irrid inżid ukoll illi dak li kixef dan is-serq tal-iSwissleaks, ċertu Herve Falciani kellu jaħrab mill-Iżvizzera għax flok tawh midalja talli kixef dan is-serq ikkundannawh ħames snin ħabs. Il-kbarat dan għamluh għax tant hemm serq li allura jridu jaċċertaw li ħadd ma jkompli jikxef.
(Min jixtieq jaqra id-dokument tal-Vatikan jista’ jarah fuq l-internet taħt it-titlu “Considerations for an Ethical Discernment regarding some aspects of the Present Economic-Financial System”