Il-gvern Laburista ftit ilu ħabbar li jrid jemmenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Din hija opportunità biex il-unions tal-ħaddiema jingħaqdu flimkien u jieħdu parti f’dan il-proċess biex jaraw li fil-Kostituzzjoni jiddaħħlu drittijiet industrijali u drittijiet soċjali b’mod li jkunu jorbtu legalment lill-gvern tal-ġurnata. B’hekk il-ħaddiema u l-poplu jaċċertaw ruħhom ħafna aktar minn dawn id-drittijiet għaliex biex jitneħħew ikun hemm bżonn ta’ żewġ terzi tal-Parlament.
Hemm diversi drittijiet li l-unions għandhom jiddomandaw li jiddaħħlu. Fosthom hemm id-dritt għal paga minima li tkun biżżejjed biex wieħed jgħix, għaż-żieda regolari tal-għoli tal-ħajja u tal-penzjonijiet, u d-dritt tal-istrike. Il-unions għandhom jiddomandaw li jiddaħlu wkoll fil-Kostituzzjoni id-dritt għas-servizz tas-saħħa b’xejn għal kullħadd, kif ukoll biex l-income tax tkun b’mod li min jiflaħ l-aktar iħallas l-aktar.
Ħafna minn dawn id-drittijiet diġa jeżistu u ilhom fis-seħħ, uħud minnhom anke għal aktar minn dawn l-aħħar 40 sena, għax kienu saru mill-gvernijiet laburisti tal-passat. Allura żgur li m’hemmx skuża biex ma jiddaħħlux fil-Kostituzzjoni b’mod li jkunu jorbtu legalment lill-gvern tal-ġurnata.
Għalhekk il-unions għandhom ir-responsabbilta li jieħdu din l-opportunita biex jieħdu parti fid-diskussjonijiet mal-gvern biex dawn id-drittijiet jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni.