Il-Partiti Xellugin tilfu ħafna mill-appoġġ għax żdiedet l-inugwaljanza soċjali  (1)

Din hija l-ewwel parti tal-intervista li dehret fil-ħarġa tat-Torċa tat-12 ta’ Novembru, 2023.

…..biex jirbħu l-appoġġ mill-ġdid hemm bżonn li mill-mudell neo liberali imorru aktar lejn ix-xellug

       – Sammy Meilaq, eks trejdunjonista

Minn Victor Vella

Ir-rebħa tal-Partit Soċjalista fil-Portugal f’Jannar tas-sena 2022 flimkien mal-fatt li fir-Renju Unit  qegħdin naraw ukoll il-Partit Laburista iżid fl-appoġġ tiegħu, qegħdin iqajmu l-argument fost għadd ta’ analisti jekk dan ifissirx qawmien ġdid għax-xellug fl-Ewropa. Filfatt il-Partit Laburista Ingliż fl-aħħar jiem rajnieh jirbaħ żewġ ‘by elections’, dik f’Tamworth u dik f’Mid Berdfordshire.  Għalkemm seħħew dawn l-iżviluppi, l-analisti qegħdin jagħżlu li jżommu kawtela. Iqum l-argument għaliex is-Soċjalisti  u l-Partiti Xellugin fl-Ewropa tilfu ħafna mis-saħħa tagħhom? X’wassal għal dan u x’qed iżommhom milli bil-mod il-mod jibdew jirkupraw?

IT-TORĊA tkellmet mal-eks trejdunjonista Sammy Meilaq, dwar is-sitwazzjoni tal-partiti xellugin fl-Ewropa. Staqsejnieh kif fl-aħħar snin rajna il-partiti xellugin jinbidlu xi drabi drastikament, tant li resqu lejn iċ-ċentru u llum anke jirreferu għalihom ukoll bħala ‘ċentru xellug’. 

Sammy Meilaq jgħidilna li “hu veru li inbidlu.  Veru ukoll li l-ħaddiem  naqqas ħafna mill-appoġġ li kien jagħti lill-Partit Laburisti, u għalhekk dawn tilfu ħafna mill-appoġġ li kellhom. L-uniku eċċezzjoni hi Malta. Jękk tara l-Partiti Laburisti fil-Ġermanja, fi Spanja, l-Italja u fi Franza, dawn  iddominaw il-mixja ta’ l-istorja wara t-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa. Kienu forza kbira. Kellhom politika socjali tajba ħafna.

“Illum inbidlu u aċċettaw li tikber l-inugwaljanza socjali, inkluż hawn Malta. Din l-inugwaljanza kibret avolja l-ekonomija kibret. Mhux kien hemm l-ekonomija li ċkienet u żdied il-faqar, iżda l-ekonomija kibret u l-inugwaljanza kibret ukoll – kuntradizzjonali soċjali kbira. Ġara li dan il-mudell ġie imħaddan mill-Partiti Laburisti u b´hekk tilfu l-appoġġ tal-klassi tal-ħaddiema. M’hemmx Partit Laburista  fl-Ewropa li waħdu għandu maġġoranza illi biha jista’ jmexxi gvern.

“Malta eċċezzjoni. Dan ma ġarax għal żewġ raġunijiet. Il-gvern irnexxielu jżomm kontenut soċjali  anzi żiedu. Fl-edukazzjoni, mediċina u f’ħafna oqsma oħra saru avvanzi sew ‘lquddiem.  Mandakollu, f’Malta parti kbira mid-dħul biex seta’ jissaħħaħ l-element soċjali hu ġej  minn ekonomika li mhix reali.

“It-‘tax haven’ ma tipproduċix ħobża ta’ ratal.  U lanqas il-bejħ tal-passaporti jew l-igaming. Minn Joseph Muscat ‘lhawn kien hemm sitwazzjoni barra l-ekonomija normali; kien hemm qisha manna qiegħda taqa’ mis-sema. Dan bla spejjeż ta’ xejn. Kumpanija Franċiża, jew Ġermaniża topera għal kollox ġo pajjiżha, iżda din tkun irresġistrata hawn u tħallas 5 fil-mija biss taxxa u ma tħallasx taxxa fil-Ġermanja li tkun wisq akbar. Din hi ekonomija mhux reali u l-unions barra pajjiżna kollha qegħdin jipprotestaw kontriha bil-qawwa.”

Sammy Meilaq jgħidilna li “l-bidla bdiha Gonzi u Joseph Muscat kien aktar aggressiv u l-pajjiż taħtu daħħal aktar flus. Tajjeb li nfakkar hawnhekk li darba kien Joseph Muscat stess li qal li dan mhux mudell għal dejjem u l-quddiem irridu nibdluh. Nemmen li dan il-mudell ekonomiku għandu jinbidel.  Id-‘de regulation’ u “laissez faire’ m’għandhiex tkompli tirrenja għax din hi ħażina għall-poplu u għall-Partit Laburista.”

X’jista’ jsir?

Nistaqsuh dwar x’jaħseb li jista’ jsir biex ix-xellug fl-Ewropa jissaħħaħ. Jgħidilna li “bħala partit  – nemmen li għandu jagħmel żewġ riformi kbar u żgur li jġib l-appoġġ massimu tal-poplu Malti. Għandu jrażżan id-dominanza tal-‘corporate lobby’ billi, fost l-oħrajn, jikkriminalizza id-donazzjonijiet lill-partiti politiċi.  Din tkun tgħodd għal kulħadd. Id-dominanza tal-‘corporate lobby’ mhi sabiħa xejn u tinħass kullimkien. Il-poplu qiegħed iħossha u qed iġġarrabha u jinsab irrabjat.

“Riforma oħra li għandu jagħmel il-gvern Laburista hi dik ta` open government. Din tfisser li l-gvern tal-ġurnata ixandar l-informazzjoni finanzjarja online, inkluż kuntratti, infieq u anke dħul, biex il-poplu ikollu l-informazzi fuq flusu. Ikun jista’ ma jxandarx fejn hemm kwistjonijiet ta’ sigurtà.  Ikun hemm qorti li tiddeċiedi. Jekk irid il-Gvern jista’ jara mudelli fl-Istati Uniti li jaħdmu.  Illum is-sitwazzjoni f´Malta hi bil-kontra. Il-gvern tal-ġurnata għal xi raġuni jew oħra jista´jirrestrinġi kull informazzjoni. Din  hi ta’ dannu. Staqsewh kemm qed idaħħal mill-umbrellel ta’ Kemmuna. Risposta ma ingħatatx. L-art hi tal-poplu u għandu dritt ikun jaf u mhux din qisha xi sigriet tal-istat. Din is-sitwazzjoni għandha tispiċċa.”

“Dawn narahom żewġ riformi kbar. Jekk jitwettqu m’għandi l-ebda dubju li r-riżultati tas-surveys jerġgħu jibdew jaraw ir-riżultati ta’ qabel, b’distakki kbar”.

Pożizzjoni aktar aggressiva lejn l-UE

Sammy Meilaq ikompli jgħid li “bħala Gvern nemmen li l-Gvern Laburista għandu jieħu pożizjoni aktar aggressiva lejn l-Unjoni Ewropea. Il-gvern Laburista qiegħed ibaxxi rasu mill-ewwel għall-Unjoni Ewropea.  Ejja nieħdu l-kontrolli tal-prezzijiet tal-ikel. Il-policy tal-Unjoni Ewropea hi s-suq ħieles u li ma jkunx hemm kontrolli.  Minkejja dan banek falluti spiċċaw issusidjawhom u ma kienx hemm suq ħieles.  Jekk tara l-Italja, u hemmhekk hemm gvern tal-lemin, sar ftehim volontarju mal-union tal-bejjiegħa biex l-affarijiet essenzjali ma jogħlewx fil-prezzijiet. L-Ungerija l-istess, għamlu kontrolli fuq ċerti il-prezzijiet ta’ ċertu prodotti. Nemmen li f’Malta, il-gvern m’għandux ibaxxi rasu għalihom.”

Dak li semma’ Mintoff l-istorja llum qed ittih raġun…..

…ara x’inkwiet hawn illum fil-Mediterran

Sammy Meilaq jgħidilna li “Fejn tidħol l-Unjoni Ewropea fil-Partit Laburista kien hemm tlett pożizzjonijiet differenti. Karmenu Mifsud Bonniċi kien qal li Malta ma jaqblilhiex tagħmel ftehim li jorbot għal dejjem. Jekk tara il-pajjiżi ż-żgħar kollha fl-Ewropa tara li dawn ma daħlux, minkejja li kollha għandhom ftehim bilaterali tajjeb mall-Unjoni Ewropea. Kemm il-Perit Mintoff u kemm Alfred Sant, it-tnejn qalu li għandu jkun hemm ftehim, imma mhux ftehim standard. Ikun ftehim li jkun speċifiku għal Malta.  Meta Alfred  Sant rebaħ l-elezzjoni kien waqqaf il-process ta’ sħubija sħiħa. Kienu qalu li partnership mal-Unjoni Ewropea ma setgħetx isseħħ.  Kienet gidba għax il-pajjiżi żgħar għandhom ftehim. Ftehim maż-żona Schengen u ż-Żona Ewro. Meta l-Prim Ministru Ingliż kien se jagħmel ir-referendum ta’ Brexit, dan reġa’ innegozja l-ftehim u l-Unjoni Ewropea aċċettat ftehim speċjali – li kien jinkludi li l-Gran Brittanja qatt ma tkun  fiż-żona Ewro, qatt fl-armata Ewropea u li l-Qrati Ingliżi jibqgħu awtonomi.  Jibqa’ l-fatt li minkejja li l-poplu Ingliż ma aċċettax, l-Unjoni Ewropea kienet lesta tidħol għal dan il-ftehim partikulari. Mintoff kien mar pass oltre u qal li mhux noqogħdu nistennew imma  nagħmlu l-proposti aħna u  jekk ma jaqblux inkunu nafu fejn qegħdin. Kien saħaq li biex niftiemhu mal-Unjoni Ewropea trid tgħatina garanzija tan-newtralità. ”

“Mintoff talab ukoll li bi dritt għandu jkollna għajnuna fl-ekonomija reali.  Qal li aħna għandna ngħidulhom li l-Unjoni Ewropea żviluppat u stagħnat minn fuq il-kolonjaliżmu. Kien argumenta li Malta qatt ma kielet minn dak, anzi aħna konna ikkolonizzati mill-Ewropej u allura l-ekonomija tagħna qatt ma setgħet tiżviluppa bħal tagħhom. Kien argumenta li ma nistgħux nibdew bi żvantaġġ. L-argument tiegħu kien li tridu tttuna d-dota, jiġifieri jgħidulna kemm se jinvestu f’Malta.”

Sammy Meilaq itenni li “minn Gonzi ‘lhaw morrna għal ekonomija li mhix reali.  Li ried Mintoff stajna ġibnieh u kien ikun bi dritt. Garanzija oħra kienet li nkunu ħielsa u li nagħmlu ftehim bilaterali ma’ pajjiżi oħra. Minn naħa tal-Ewropa Punent aħna urejna  u konna l-ewwel li urejna kif jista’ jsir  ftehim maċ-Ċina. L-Ewropa tal-Punent wara imxiet warajna.

        Tant kellu raġun li llum nisimgħu mill-aħbarjiet meta l-Unjoni Ewropea iddaħalna f’xi ftehim li jkun sar. Mintoff ried ftehijm ta’ għaxar snin li jkun jiġġedded. Mintoff ried ftehim mal-Ewropa b’ċertu kundizzjonijiet. Nemmen li l-Partit Laburista għandu jipprova jagħmel dak li kien jemmen fih il-Perit Mintoff.  L-affarijiet li semma’ Mintoff llum l-istorja qed ittih raġun. Ara x’inkwiet hawn fil-Mediterran. ”

Il-militanza fost il-ħaddiema naqset…

………u żdiedet il-militanza minn min iħaddem

Magħruf għal militanza tiegħu, lil Sammy ma stajniex ma nistaqsuhx x’ġara mill-militanza tal-ħaddiema mhux f’Malta biss imma anki fl-Ewropa. Spjegajnielu li donnu fl-aħħar xhur bdejna naraw sinjali li l-ħaddiema u l-unions qegħdin jerġgħu jirritornaw għal ċertu livell ta’ militanza.

Sammy bla tlaqlieq jgħidilna li “l-militanza naqset. Il-militanza żdiedet minn min iħaddem. Għaliex naqset il-militanza mill-ħaddiema? Inbidlu ħafna liġijiet li naqqsu s-saħħa tal-unions inkluż hawn Malta fosthom dwar id-dritt tal-istrajk. Il-liġijiet li tista’ tagħmel strajk ta’ simpatija, il-‘lightning strike’, u li tagħmel ftehim għal close shop spiccaw. ´Kien hemm proċess biex jiddajjef id-dritt tal-istrajk, u dan ġei aċċettat anke mill-Partiti Laburisti fl-Ewropa.  Il-liġijiet inbidlu u taw dritt lil min iħaddem li jkeċċi lill-ħaddiema faċilment. Daħal ix-xogħol prekarju u bil-kuntratt. Din wasslet biex naqset il-militanza. Naqset is-saħħa ta’ l-unions u min iħaddem żdiditlu is-saħħa. Illum qegħdin ngħixu fi żmien fejn ix-xogħol prekarju hu l-akbar għadu tal-unions.”

Prekarju…..mhux għax għax paga

baxxa imma għax mhux tal-post

Nistaqsuh dwar ix-xogħol u għalih xi jfisser meta jsemmi ix-xogħol prekarju. Sammy Meilaq jgħidilna li “Prekarju ifisser se taqa’ u ma taqax.  Qisu t-Torri ta´Pisa. Mhux għax ikollu paga baxxa. Imma għax il-ħaddiem mhux tal-fiss. Għandu kuntratt definit.  Fejn jeżisti dan, il-ħaddiema qiegħed imdendel u min iħaddem  jużaħha kemm jiflaħ din. Jekk ikun hemm ħaddiem li jorganizza lil sħabu fl-union, min iħaddem igib skuża u jgħidlu barra. Min ikun se jagħmel bħal dan il-ħaddiem u jipprova jdaħħal ħaddiema f’union, jaqta qalbu. Ix-xogħol prekarju ġie legalizzat ħafna.  L-unions qatt ma qablu miegħu, imma l-Partiti Laburisti fl-Ewropa aċċettawh. L-agħar ħaġa hi li d-drittijiet tal-istrajk ġew ristretti. L-ETUC ipprotestat kemm il-darba dwar dan. Illum biex tagħmel strajk trid tagħti avviż  minn qabel, trid tħalli parti topera u issa l-agħar ħaġa li daħlet hi dik li qed jidħlu liġijiet fejn l-istrajk jiġi mwaqqaf legalment skont l-effettività tiegħu. Mela llum għandna sitwazzjoni  li jgħidulek  li lstrajk se jirriżulta fi tħarbit tas-servizz għandu jieqaf. Din hi kuntradittorja u kontra l-interess tal-klassi tal-ħaddiema.  Mhux se ngħid li s-suldati u pulizija għandhom jistrajkaw imma li l-infermiera ikunu ristretti jew għalliema jkunu ristretti ma naqbilx.

        Sa llum id-dritt ta’ strajk ġenerali għadu jeżisti uffiċjalment. Imma kif saru l-liġijiet fil-prattika intilef bl-iskuża tal-l-effettivita, imħabba li strike ġenerlai hu l-aktar wieħed effettiv”.

Ikompli l-Ħadd li ġej.