Il-kap tal-Partit Soċjalista Franċiż, Francois Hollande, ġie elett President ta’ Franza f’Mejju tal-2012, ftit anqas minn ħames snin ilu, bil-maġġoranza tal-poplu Franċiż jivvutalu. Illum, skond l-opinion polls, huwa għandu biss l-appoġġ ta’ 4% tal-votanti, tant illi l-istess partit tiegħu mhux se jħallieh joħroġ għall-elezzjoni presidenzjali li se ssir fi Franza din is-sena.
Hollande tkisser mal-poplu Franċiż għaliex flok fittex l-interessi tas-soċjeta u tal-ħaddiema, huwa baxxa rasu għall-politika anti-soċjali li tordna l-Unjoni Ewropea. Biżżejjed wieħed isemmi hawnhekk il-gwerra li għadu kif għamel kontra l-unions u kontra l-ħaddiema biex naqqas ħafna mid-drittijiet li l-ħaddiema kellhom fi Franza. B’li għamel, Hollande ittradixxa lill-klassi tal-ħaddiema li huwa suppost li ħadem għall-avvanz tagħha.
Dan it-tradiment, barra li kisser lil Hollande, kisser ukoll lill-Partit Soċjalista. L-ewwel round tal-elezzjoni presidenzjali se jsir f’April li ġej. Skond l-opinion polls l-appoġġ popolari issa xaqleb aktar lejn il-lemin politiku u anke lejn ix-xellug ta’ veru. Dawn l-opinion polls qedgħin juru li l-Partit Soċjalista qiegħed fil-ħames post, wara ir-Repubblikani, il-Front Nazzjonali, il-kandidat tal-lemin Emanuel Marcon, u l-kandidat tax-xellug Jean-Luc Melenchon. Jidher ċar li f’din l-elezzjoni l-Partit Soċjalista se jikseb biss l-appoġġ ta’ anqas minn 10% tal-votanti
Din id-disfatta kienet mistennija għax hija tkomplija ta’ dak li ġara lil partiti soċjalisti oħra fl-Unjoni Ewropea li aċċettaw il-politika anti-soċjali u kontra l-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea. L-istess ġralu l-partit soċjalista Spanjol; il-partit laburista Ingliż taħt Tony Blair, Gordon Brown u Ed Miliband; u l-Pasok fil-Greċja. Dawn il-partiti kollha sfaxxaw għax aċċettaw li jkunu parti mill-politika tal-Unjoni Ewropea, flok ingħaqdu flimkien u opponewha. Kollha kemm huma ikkastigaw lill-popli tagħhom permezz ta’ tnaqqis tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tnaqqis fis-servizzi soċjali biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tissussidja il-banek privati falluti u biex tkun tista’ tonfoq il-miljuni kbar fil-gwerrer.
Sadattant il-partiti tal-lemin qedgħin jirbħu l-appoġġ tal-ħaddiema għax dawn tilfu l-fiduċja fil-mexxejja suppost-soċjalisti. Wasal iż-żmien li l-ħaddiema fl-Ewropa jerġgħu jibdew mill-qiegħ biex jorganizzaw il-klassi tagħhom f’partiti soċjalisti ta’ veru.