Il-mexxeja ewlenin tal-aktar 20 pajjiż sinjur tad-dinja, magħrufa bħala l-G 20, li jinkludu dawk tal-Unjoni Ewropea, ix-xahar li għadda iltaqaw ġewwa Ħamburg fil-Ġermanja. Tista’ tgħid li ma ftehmu dwar xejn ħlief li se jkomplu bil-politika anti-soċjali u bil-politika tal-gwerrer kontra l-pajjiżi żgħar.
Matul it-tlett ijiem ta’ laqgħat u ċeremonji ġewwa Ħamburg aktar spikkaw il-protesti taż-żgħażagħ Ġermanizi u Ewropej oħrajn kontra dawn il-kbarat, milli dak li ntqal fil-laqgħat. Barra l-protesti taż-żgħażagħ, iżda, spikkat ukoll l-ittra pubblika li l-Papa Franġisku bagħat lill-Angela Merkel bħala l-organizzatur ta’ din il-laqgħa tal-G20, peress li kienet qed isseħħ fil-Ġermanja.
F’din l-ittra l-Papa Franġisku ikkritika ħafna lilll-mexxeja ta’ dawn il-pajjiżi għonja. Huwa saħaq li bil-gwerrer li qegħdin jagħmlu mhu ser isolvu xejn. Saħaq li hemm bżonn li huma jieqfu mit-tbiċċir bla sens tal-bnedmin, u li huma għandhom jieqfu milli jkomplu jżidu l-armamenti. Il-Papa saħaq ukoll li l-politika tas-suq ħieles li huma jħaddnu hija ħażina għax iġġib il-faqar, iġġib il-ħela, u saħansitra, kompla l-Papa, iġġib l-imwiet.
M’hemmx għalfejn ngħidu, dawn il-mexxejja ewlenin, li jinkludu dawk tal-Ġermanja, Franza, l-Ingilterra, l-Italja, kif ukoll tal-Unjoni Ewropea, lanqas l-ebda każ ma taw tal-kritika li għamel il-Papa Franġisku. L-uniku skop ta’ ħafna minn dawn il-mexxejja huwa l-kapitaliżmu bla rażan li jibqa’ għaddej minn fuq iż-żgħir u fuq il-ħaddiem sakemm jgħaffġu u jisolħu kemm jiflah.