Issa li wasal biex jiġi mfassal il-budget għas-sena 2017, il-ħaddiema f’Malta, bir-raġun kollu u bid-dritt kollu, qedin jippretendu li tgħola il-paga minima, anke jekk dan ifisser li xi pagi oħrajn iridu jogħlew.
Il-produzzjoni tal-ġid f’Malta, kif imkejla mill-istess gvern, issa ilha snin twal dejjem tikber u fl-aħħar snin kibret aktar minn snin ta’ qabel. Iżda kuntrarju għal dan, il-paga minima dejjem naqqset fis-saħħa tagħha. Hawn infakkru li l-ġid kollu huwa il-prodott kollettiv tal-ħaddiema kollha għax il-produzzjoni hija katina waħda, mifruxa fuq ix-xogħol tal-membri kollha tas-soċjeta. Ħadd ma jista’ jipproduċi xejn waħdu, allura kull ħaddiem għandu d-dritt li ta’ l-anqas ikollu paga diċenti li jista’ jgħix biha.
Barra minn hekk, kif jista’ xi ħadd jemmen li l-employers fil-qasam tat-turiżmu, tal-kostruzzjoni, tal-informatika, u oħrajn, ma jifilħux jgħollu l-pagi u jtejbu il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol? Il-gvern preżenti għandu l-obbligu li jordna li togħla il-paga minima aktar u aktar meta il-ħaddiema jqisu kemm dan il-gvern qiegħed jagħti konċessjonijiet minn riżorsi tal-poplu lill-employers biex dawn ikabbru aktar l-attività u il-qliegħ tagħhom.
Allura il-unions jagħmlu żball jekk jaċċettaw il-gidba li l-employers ma jifilħux jgħollu l-pagi. Wara kollox l-employers dejjem hekk jgħidu. Anke dan l-aħħar fl-Amerika, li hija l-akbar ekonomija tad-dinja, biex il-unions irnexxielhom jiksbu żieda fil-paga minima kellhom jistrajkjaw u joħorġu fit-toroq jipprotestaw. Jekk il-unions Maltin jaċċettaw li ma togħliex il-paga minima jkunu qedin jaċċettaw li din ma togħla qatt, għax jekk ma togħliex issa li l-ekonomija kibret tant u mistenni tibqa’ tikber, meta se ssir paga diċenti kif suppost?
Il-unions għandhom jiftakru li meta l-gvern laburista fl-1974 daħħal għall-ewwel darba il-paga minima bil-liġi, din kienet biżżejjed biex familja ta’ erbgħa jgħaddu biha. Għandhom jiftakru wkoll li anke dakinar intqal ħafna gideb u nġiebu ħafna skużi kontra din il-liġi. Għandhom jiftakru wkoll li mhux biss ħadd ma falla wara li l-paga minima ġiet fis-seħħ, imma, għall-kutrarju, l-iżvilupp ekonomiku ħa spinta sew il-quddiem speċjalment fl-industrija, fit-turiżmu u fil-kostruzzjoni.
Lanqas ma għandhom il-unions jaċċettaw illi flok tgħola il-paga minima il-gvern jagħti xi bonus lil min għandu paga baxxa. Dan ikun ifisser biss li aktar flus tal-poplu se jinħargu biex jigħataw lill-aktar employers li qedin diġa jistgħanew minn fuq ix-xogħol tal-ħaddiema u biex tkompli tikber id-diżugwaljanza soċjali fil-pajjiż.