The events of Fourmies. The shooting of Fourmies was an event that took place on1 st May 1891in Fourmies ( Nord ). That day, the troop ends in the blood with a peaceful demonstration of workers claiming: ” It’s the eight hours we need! “. The death toll is nine dead and 35 wounded. This event provides a national echo to the socialists.
Il-Front Maltin Inqumu fl-okkażjoni tal-ewwel ta’ Mejju qiegħed ixandar kapitlu ieħor, intitolat ”Il-Militanza: Id-dritt ‘divin tal-Klassi tal-Ħaddiema”, mill-pubblikazzjoni “Bicciet Minni” ta’ Sammy Meilaq.
Ir-ruħ li ssostni t-tendenzi militant tiegħi hija dik Marxista. L-istat ma kienx minn dejjem u m’għandux jibqa’ għal dejjem. Inħoloq fejn jeżistu klassijiet fis-soċjetà li għandhom interessi konfliġġenti u antagonisti għal xulxin. Sabiex klassi li toppressa oħra tkun tista’ tiddomina, trid b’neċessità żżomm l-ordni. L-ordni hawnhekk tfisser li l-klassi maħkuma taċċetta d-dominanza tal-klassi ħakkiema. F’ soċjetà kapitalista dan tagħmlu permezz tal-istat, magħmul mill-għodda tal-qrati, puluzija, ħabsijiet, armata, u l-burokrazija tal-gvern. Biex jaqdi l-funzjonijiet ta’ dominanza ta’ klassi fuq oħra l-istat bilfors irid ikun, b’neċessità, ripressiv. Kieku ma jkunx hekk id-dominanza malajr tispiċċa, għax il-klassi maħkuma ma jżommha xejn milli tirribella tinbidel l-għamla tas-soċjetà li tgħix fiha. Aktar minn hekk, meta l-klassi maħkuma tirribella, l-istat, biex jaqdi l-funzjoni tiegħu, irid ikun mhux biss ripressiv iżda wkoll vjolenti.
Is-soċjetà kapitalista hija maqsuma f’ żewġ klassijiet ewlenin: is-sidien u l-ħaddiema. Is-sidien jiddominaw l-ewwel u qabel kollox fil-qasam ekonomiku għax għandhom il-propjetà. B’hekk imbagħad jiddominaw oqsma oħra – politiċi, soċjali, kulturali u l-media. Biex il-ħaddiema jwettqu taqliba sħiħa u joħolqu soċjetà bla klassijiet, jridu l-ewwel jieħdu l-istat f’idejhom u jużawh bħala għodda ta’ bidla. F’idejn il-ħaddiem l-istat xorta jibqa ripressiv u vjolenti. Din hija n-natura essenzjali tiegħu. Iżda issa jirripressa lill-ħakkiema milli jeħduha kontra t-taqliba li jkun qed iwettaq il-ħaddiem.
Din hija d-domma, għalkemm simplifikata għall-aħħar. M’iniex dommatiku. Marx innifsu rreveda. Irreveda wkoll Mao, Gramsci, u oħrajn. Iżda aktar ma xagħri bjad, u aktar ma ġarrabt fil-ħidma tiegħi fil-kamp tal-ħaddiema, aktar żidt il-konvinzjoni tiegħi li Marx hawnhekk għandu raġun. Inqis l-istat mhux bħala xi kmandament t’ Alla iżda bħala frosta magħmula mill-bnedmin biex biha jsawtu bnedmin oħra. Ma jeżisti ebda dritt ‘divin’ mogħti mill-ħolqien lir-re biex jaħkem. Il-ħolqien huwa mmirat biex ngħixu flimkien bħal aħwa. Id-dritt ‘divin’ mogħti mill-ħolqien allura huwa li naslu għal soċjetà ġusta. Biex naslu għal dan id-dritt ‘divin’ irridu nwarrbu l-klassi dominant. Iżda din ma taċċettax li titwarrab bil-kwiet. Titwarrab biss bil-konflitt militant.
Aktar tard f’ħajti doqt ftit ħsibijiet minn Santu Wistin, mhux direttament mill-kitba tiegħu iżda minn ta’ Russel u Copleston. Santu Wistin, li fil-ħsibijiet tiegħu ppreċeda l-Cogito ta’ Descartes u lil Stephen Hawking dwar il-ħolqien taż-żmien, jidher li fil-ħsieb tiegħu dwar l-istat antiċipa wkoll lil Marx. Għalih l-istat jitwaqqaf, jinżamm u jikber permezz tal-vjolenza u tal-oppressjoni. Dan jista’ jiġi rimedjat biss billi l-mexxejja u l-apparat tal-istat jissottomettu ruħhom għall-awtorità morali tal-Knisja Nisranija. Jekk il-mexxejja ma jagħmlux hekk, imexxu b’mod inġust u ma jkunu xejn ħlief ġgajta ta’ ħallelin. Il-Knisja għandha, filwaqt li żżomm ruħha separata mill-istat, tkun il-kuxjenza morali tiegħu u d-direzzjoni spiritwali tiegħu biex b’hekk l-istat jagħraf jaħdem b’mod ġust u fuq il-prinċipji Nsara.
Imma hawnhekk fejn jidħol Marx?
Meta Santu Wistin semma l-Knisja u l-Insara, kien jirreferi għal dawk ta’ qabel il-bidla li seħħet bil-ftehim mal-Imperatur Kostantinu. Issa dawn l-insara l-aktar li tista’ xxebbahhom illum huwa ma’ għaqda komunista. L-Atti tal-Appostli jgħidu hekk:
“Li dawk li kienu jemmnu kienu kollha ħaġa waħda u kellhom kollox bejniethom. U kienu jbigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu l-flus bejn kulħadd skond ma wieħed jeħtieġ.” 1
Santu Wistin ma jinkludix il-fattur ekonomiku fid-determinazzjoni tal-istorja; lanqas ma jara soċjetà fejn l-istat jista’ u għandu jispiċċa. B’danakollu 1500 sena qabel Marx huwa kien diġà analizza n-natura tal-istat u l-ħtieġa li l-komunità tirregolah.
Fiż-żminijiet riċenti l-Marxiżmu tilef mill-appoġġ li kellu qabel. Dan għaliex ir-rivoluzzjonijiet fl-eks-Unjoni Sovjetika u fiċ-Ċina ddeterjoraw. Innegaw is-soċjaliżmu vera. Il-mexxejja użaw l-istat biex iddettaw fuq il-proletarjat. Fallew u qabdu t-triq kapitalista.
Dan lili ma biddili xejn mit-twemmin tiegħi. Ngħid għaliex: Dawn iż-żewġ rivoluzzjonijiet kienu l-ewwel attentati fl-istorja tal-bniedem biex il-ħaddiem jieħu l-istat f’idejh u b’mod maħsub, b’mod xjentifiku, jużah biex jibni soċjetà soċjalista.2 Issa f’kull qasam tax-xjenza, meta teorija tapplikaha fil-prattika, l-ewwel mudell ikun prototip, u allura destinat b’neċessità biex jiġi rivedut għal mudell aħjar, forsi anki għal numru ta’ drabi. L-aħwa Wright tajru l-ewwel ajruplan għal ftit mumenti. Wettqu success kbir, għax qabilhom ħadd ma kien jemmen li oġġett itqal mill-arja jista’ jtir. Il-mudelli ta’ wara baqgħu jiġu żviluppati u kulħadd jaf kemm idumu jtiru llum.
Meta l-ħaddiema ħolqu r-rivoluzzjoni Sovjetika ħadd (ħlief xi ftit bħal aħwa Wright) ma kien jemmen li jista’ jkun hemm gvern tal-ħaddiema u ekonomija mingħajr sidien privati. Kien l-ewwel mudell prototip. Dan il-mudell ‘tar’ għal għexieren ta’ snin qabel ma ‘waqa’ fl-art’. Bħala l-ewwel mudell kien allura success storiku kbir.
Meta tqis ukoll illi t-teorija Marxista hija l-aktar ħsieb sostanzjali riċenti fil-qasam tax-xjenza politika, allura s-sinifikat huwa akbar. Imma l-mudelli tal-ġejjieni ma jridux ikunu l-istess bħal tal-ewwel u jispiċċaw b’dittatura fuq il-ħaddiem flok għall-ħaddiem. Ir-rieda tal-kotra trid telgħeb iċ-ċentraliżmu. M’ għandix dubju li l-mudelli ta’ għada ‘jtiru aktar fit-tul’.
Argument ewlieni kontra l-militanza jsostni li fejn hemm demokrazija parlamentari l-ħaddiem jista’ jbiddel is-soċjetà bla ħtieġa ta’ azzjoni militant u ekstraparlamentari. Veru li kien hemm xi każijiet, mhux ħafna, fejn il-ħtieġa tal-militanza tnaqqset, għalkemm ma spiċċatx għalkollox. Insemmi żmien il-gvern ta’ Attlee fl-Ingilterra; il-gvernijiet Soċjalisti fl-Iskandinavja; u f’ Malta l-gvern ta’ Mintoff. Dawn kienu gvernijiet fejn is-saħħa tal-istat intużat għat-twettiq ta’ tibdil progressiv. Iżda meta tneħħi xi ftit każijiet bħal dawn, x’inhuma r-rigali li d-demokrazija parlamentari tal-Punent għaddiet lill-ħaddiema u lill-umanità fl-istorja tagħha?
Il-lista tiġbor fiha qgħad kontinwu; rata għolja ta’ faqar; liġijiet li jrażżnu d-drittijiet tal-unions; welfare state jiżżarma; ġbir ta’ taxxi minn fuq iż-żgħir u tax havens għal kumpaniji u s-sidien; spekulazzjoni u serq sfaċċat mill-istituzzjonijiet finanzjarji; qirda tal-ambjent; gwerer imperjalisti mħallsin minn flus il-poplu kif ukoll b’demm il-poplu; media kkontrollata l-biċċa l-kbira mill-kapitalisti; u partiti politiċi parlamentari jiddependu fuq il-fondi tan-negozjanti bid-dritt li dawn jinfluwenaw id-deċiżjonijiet tal-parlament.
Xorta waħda b’dawn il-fatti kollha, l-verità tibqa’ li d-demokrazija parlamentari dejjem u bil-bosta aħjar minn xi Sistema li tiddetta fuq il-poplu u fuq il-ħaddiem. Wara kollox kienu l-istess ħaddiema li tul l-istorja ġġieldu biex rebħu d-dritt tal-vot għal kulħadd. Daqstant ieħor imma, hija verità li mingħajr il-militanza ekstraparlamentari l-ħaddiem jibqa’ misruq mċaħħad mid-drittijiet tiegħu. L-istorja dan urietu bil-fatti.
2 Il-Commune ta’ Pariġi 1871 kien l-ewwel gvern tal-ħaddiema iżda tkisser wara biss xahrejn mill-armati kapitalisti. L-istess ġara fil-każ tal-Commune ta’ Shanghai 1927 li tkisser mill-armata Nazzjonalista Ċiniża.