L-aħħar ġrajjiet fil-Libja juru biċ-ċar kemm il-Libjani ma jridux indħil barrani f’pajjiżhom, aktar u aktar jekk ikun indħil militari. L-oppożizzjoni li qiegħed isib Serraj biex imexxi qiegħda tikber preċiżament għax huwa qiegħed jidher li qiegħed jitmexxa mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea, u li qiegħed jaqbel mal-interventi militari fil-Libja li qegħdin jerġgħu jseħħu mill-Istati Uniti, minn Franza, u mill-Italja. L-attentat ta’ kolp ta’ stat riċenti, fejn il-milizji okkupaw il-bini tal-Assemblea Ġenerali fi Tripli u postijiet oħra tal-gvern ta’ Serraj, juri kemm din l-oppożizzjoni qed tikber.
Il-Libjani għandhom raġun bil-kbir li jopponu dan l-indħil barrani militari. Ħames snin ilu l-Istati Uniti u Unjoni Ewropea wettqu gwerra fil-Libja kontra Gaddafi. Qalu li se jattakkaw biex “jipproteġu lin-nies pajżana u jippromovu id-demokrazija” ( “to protect civilians and promote democracy” huma il-kliem preċiżi tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea). Ftehmu mar-ribelli Iżlamiċi biex flimkien jattakkaw lil Gaddafi. Skond ir-records uffiċjali tan-NATO, huma wettqu 9,700 attakk mill-ajru li 3,400 minnhom kienu fuq postijiet ċivili u mhux militari. Tefgħu bombi tal-uranju li jxerrdu raġġi li jmarrdu l-bnedmin. Wettqu carpet-bombing fuq il-belt ta’ Sirte biex farrkuha. B’kollox, qatlu 30,000 ruħ, il-biċċa l-kbira tagħhom nies pajżana inkluż nisa u tfal.
Illum kullħadd jaf li l-vera skop tal-gwerra mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea kien li jitneħħa Gaddafi u minflok jitpoġġa xi ħadd li jobdi l-ordnijiet tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea. Il-vera skopijiet għaliex inqatel Gaddafi u it-30,000 Libjani kienu l-provvista taż-żejt Libjan, li Gaddafi ma kienx ibih lil Punent, u t-twaqqif ta’ bażijiet militari Amerikani fil-Libja, li Gaddafi kien neħħa aktar minn 40 sena ilu.
Sa dan it-tant Malta hija l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li sofriet minn din il-gwerra. Tlifna ħafna xogħol ta’ ħaddiema Maltin fil-Libja. Tlifna investiment Libjan f’Malta u investiment Malti fil-Libja. L-immigrazzjoni mill-Libja hija bla kontroll.
L-akbar żewġ affarijiet li tlifna huma is-sigurta u ruħna. Tlifna is-sigurta għax minn pajjiż ġirien stabbli issa għandna ġar li ħadd ma jissogra jgħid x’se jiġri ġewwa fih għada. Il-baħar ta’ madwarna kompla jimtela’ bil-biċċiet tal-gwerra. Tlifa ruħna għax il-Parlament tagħna kien kompliċi f’din il-gwerra li qatlet 30,000 Libjan, u fil-kriminalita tal.-gwerra li twettqet mill-Istati Uniti, mill-Unjoni Ewropea u mill-Iżlamiċi.
Gonzi għand Gaddafi qabel ma bdiet il-Gwerra kontra tiegħu