
Il-premju li ħadet Malta talli daħlet kompliċi fit-tkissir tal-Libja huwa li minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea il-poplu Malti huwa l-aktar poplu li tilef u li mar ħażin.
F’Marzu tal-2011 l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, bi ftehim mal-Al Qaeda, bdew gwerra kontra Gaddafi. Biex jaraw li r-ribelli tal-Al Qaeda jkunu organizzati sew raw illi l-mexxej tagħhom Nazib Abdul Hamed al Ruqaii, li qabel kien jgħix ġewwa Manchester, l-Ingilterra, protett mill-gvern Ingliż,jasal il-Libja biex ikun jista’ jmexxi lir-ribelli tal-Al Qaeda. Nazib al Ruqaii kellu esperjenza ta’ snin twal fit-tmexxija tal-Al Qaeda. Huwa kien ilu mal-Al Qaeda mill-1994. Ħa sehem fil-ġlied fis-Sudan u fl-Afganistan, u kien qrib ta’ Bin Laden u fdat minnu. Għal għaxar snin sħaħ al Ruqaii kien fil-lista tat-terroristi imfittxija mill-Istati Uniti, iżda peress li kien kontra Gaddafi, huwa kien ingħata kenn fl-Ingilterra.
Barra minn hekk l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fornew lir-ribelli iżlamiċi bl-armamenti u bit-taħriġ militari biex ikunu aktar effettivi meta jattakkaw lil Gaddafi. Imbagħad ftehmu li waqt li r-ribelli jattakkaw mill-art huma jattakkaw bil-bombi mill-ajru.
L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qalu li se jagħmlu din il-gwerra kontra Gaddafi biex jipproteġu lin-nies pajżana u jdaħħlu d-demokrazija fil-Libja. (“to protect civilians and promote democracy” kienu il-kliem eżatt li qalu.) Minflok, wettqu diversi atti ta’ kriminalita tal-gwerra li bihom qatlu madwar 30,000 Libjan u flok daħħlu id-demokrazija daħħlu l-qirda u t-tkissir. Fost l-atti ta’ kriminalita huma attakkaw bini fejn jgħixu in-nies, skejjel, sptarijiet, eċċ. Skond ir-records uffiċjali tagħom stess huma wettqu 9,700 attakk mill-ajru li minnhom 3,400 ma kienux fuq miri militari imma kienu fuq miri pajżana. Tefgħu ukoll tunnellati ta’ bombi bl-uranju, materjal radjuattiv li jibqa’ għal tul ta’ snin imarrad lin-nies, l-aktar lit-tfal zgħar, u jikkontamina l-ambjent. Fuq il-belt ta’ Sirte wettqu carpet bombing u qerduha bl-abitant b’kollox.
Il-gwerra kontra Gaddafi kienet ukoll gwerra ipokrita. Kieku l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea riedu jdaħħlu id-demokrazija fid-dinja Għarbija, misshom attakkaw l-Arabja Sawdija jew il-Baħrejn, żewġ pajjiżi immexxijin minn dittaturi iżlamo-faxxisti. Minflok, iżda, lil dawn id-dittaturi, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea isostnuhom bl-armamenti, inkluż bil-gass tad-dmugħ u bl-istun grenades, biex meta l-popli tagħhom jitolbu xi drittijiet il-pulizija jkollhom biex jattakkawhom, kif fil-fatt jagħmlu.
Malta kienet kompliċi f’din il-gwerra kriminali, ipokrita, immorali, u bi ftehim mal-Al Qaeda. Meta bdiet din il-gwerra il-Parlament aċċetta li jgħin militarment lill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea billi offra l-faċilitajiet tal-ajruport u faċilitajiet oħra. Il-Parlament mhux biss ma kellu l-ebda mandatt minn għand il-poplu biex jagħmel hekk, imma kiser ukoll il-Kostituzzjoni ta’ Malta li tobbligah li Malta tkun newtrali u taħdem attivament għall-paċi.
L-ipokrizija minn naħa tal-Parlament tagħna kienet attwalment akbar minn dik tal-kumplament tal-Unjoni Ewropea. Il-gvernijiet Maltin kollha, matul dawn l-aħħar 40 sena, dejjem ħadmu ma’ Gaddafi, dejjem tkellmu miegħu u innegozjaw miegħu u Malta gawdiet ekonomikament bir-relazzjonijiet mal-Libja. Issa l-premju li ħadet Malta talli konna kompliċi fit-tkissir tal-Libja huwa li ħadd lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma tilef daqsna b’dak li ġara. Ħaddiema Maltin tilfu ix-xogħol; Malta tilfet l-investiment Libjan u tilfet suq fejn seta’ jsir investiment Malti; u sfaxxa għal kollox il-kontroll Libjan fuq l-immigrazzjoni. Fuq kollox tlifna is-sigurtà fl-ibħra ta’ madwarna u tlifna ruħna għax konna kompliċi fil-kriminalita tal-gwerra.