Il-Kap tal-I.M.F ħatja kriminalment imma ma jimpurtax!

christine-lagarde-imf-chief-found-guilty-france-trialL-International Monetary Fund (IMF) huwa bank dinji fejn gvernijiet sinjuri jsellfu flushom lill-gvernijiet ta’ pajjiżi foqra jew lill-gvernijiet li jkunu għaddejjin minn problemi finanzjarji. L-akbar selliefa f’dan il-bank huma l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Ġermanja, Franza u l-Ingilterra. Il-kundizzjonijiet li l-IMF timponi fuq is-self, barra l-imgħax, huma kundizzjonijiet politiċi li jinkludu il-privatizzazzjoni, t-tneħħija ta’ kontrolli fuq il-prezzijiet ta’ l-aktar ħwejjeġ essenzjali, it-tnaqqis tas-servizzi soċjali u it-tnaqqis tad-drittijiet industrijali tal-unions u tal-ħaddiema. Kull gvern li iċċappas mal-IMF kellu allura jitfa’ l-piż finanzjarju kollhu fuq il-ħaddiem u fuq iż-żgħir għax hekk ikun marbut mill-IMF.

Christine Lagarde hija il-kap tal-IMF. Hija għadha kif instabet ħatja ta’ kriminalita finanzjarja mill-qorti Franċiża, iżda l-istess qorti li iddikjarata ħatja qalet li b’daqshekk ma jimpurtax u ma ġara xejn. L-istess qalu l-kbarat l-oħra li magħha jmexxu l-IMF tant li Lagarde xorta ser tibqa’ kap ta’ dan il-bank dinji. L-aqwa li hija tkompli timponi l-politika anti-soċjali ta’ dan il-bank.

Qabel intagħżlet biex tmexxi l-IMF Lagarde kienet Ministru tal-Finanzi fil-gvern Franċiż immexxi minn Sarkozy. Waqt li kienet ministru hija approvat kumpens ta’ l-fuq minn 400 miljun euro minn flus il-poplu lil Bernard Tapie, negozjant kbir Franċiż li kien biegħ negozju tiegħu lill-bank Franċiż Credit Lyonnaise u li wara kien qal li kien ħaqqu kumpens aktar. Dan in-negozjant, Bernard Tapie, kien appoġġja lil Sarkozy u lil Lagarde fil-kampanja elettorali li Sarkozy imbagħad rebaħ.

Christine Lagarde instabet kriminalment ħatja ta’ negliġenza mill-qorti fi Franza b’rabta ma dan il-pagament ta’ aktar minn 400 miljun euro ta’ flus il-poplu. Il-piena li ġġorr din il-ħtija titla’ sa massimu ta’ sena ħabs. Barra minn hekk, dak li kien ic-Chief of Staff tagħha meta hija kienet ministru qiegħed jiġi investigat mill-pulizija dwar frodi fl-istess każ tal-400 miljun euro.

 

Iżda oħroġ il-għaġeb, l-istess qorti li sabet lil Lagarde ħatja qalet ukoll li b’daqshekk ma jimpurtax. Tant hu hekk li l-istess qorti iddeċidiet li d-deċiżjoni tal-ħtija lanqas biss titniżżel fil-kondotta ta’ Lagarde! Lagarde flok marret il-ħabs issa se tkompli tmexxi l-akbar bank politiku tad-dinja. L-aqwa li tibqa’ timponi l-moħqrija fuq il-foqra u fuq il-ħaddiema permezz tal-kundizzjonijiet tal-International Monetary Fund.