“Il-gwerra bierda reġet magħna ” – In-Nazzjonijiet Magħquda.

Is-Segretarju Ġenerali tan- Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres

 

Minn Sammy Meilaq President tal-Front Maltin Inqumu.

 

Wara l-attakki li saru riċenti fuq is-Sirja mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti, is-Segretarju Ġenerali tan- Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres stqarr hekk: “The cold war is back with a vengence and a difference“. Qal ukoll ” The Middle East is in chaos“.  Huwa kompla jgħid li l-mekkaniżmu u s-salvagwardji li kienu jeżistu waqt il-gwerra bierda biex jiġi evitat xi konfront, illum ma jeżistux. Qal ukoll li illum il-gwerra bierda ma baqgħetx bierda xejn, u allura is-sitwazzjoni hija agħar milli qatt kienet.

 

Aħna ninsabu fix-xifer tal-Lvant Nofsani. Il-gwerrer f’dan ir-reġjun qegħdin kull ma jmur jiżdiedu. L-Iżrael u l-Palestinjani fi gwerra kontinwa. L-Istati Uniti u l-Iżrael jopponu lil Iran bil-possibilita ta’ gwerra bejniethom dejjem tikber. Fil-Libja ġlied kontinwu. L-Arabja Sawdija fi gwerra kontra l-Jemen. U fis-Sirja gwerra ċivili li tinkludi taħlita sħiħa ta’ forzi militari barranin: Amerikani, Russi, Torok, Lebaniżi, Ingliżi, Franċiżi, Iranjani u Iżraeliti.

 

Malta x’titlef biss għandha b’din is-sitwazzjoni. L-ebda pajjiż ma jaqbillu li l-ġirien tiegħu joqgħodu jitqatlu bejniethom għax flok jikber il-kummerċ u l-ġid tikber il-qirda u l-miżerja. U jkomplu jiżdiedu l-miljuni ta’ refuġjati li jaħarbu mill-gwerrer biex ifittxu kenn f’pajjiżi oħra, inkluż f’Malta.

 

Dan kollu juri kemm il-politika ta’ newtralità hija l-ġawra prezzjuza li għandna fil-Kostituzzjoni. L-isqarrijiet ta’ Guterres, is-Segretarju Ġenerali tal-United Nations ukoll ikomplu juru kemm in-newtralità hija politika mibnija fuq iż-żonqor mhux fuq ir-ramel. Ninsabu fix-xifer ta’ dawn il-gwerrer kollha u kieku kellna nżommu ma’ xi naħa allura insiru mira tan-naħa l-oħra. Aħna pajjiż żgħir u attakk militari kontrina malajr ikisser dak kollu li l-poplu Malti jkun bena u żviluppa tul is-snin.