MINN SAMMY MEILAQ PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU
F’Ġunju tas-sena li għaddiet, 2017, il-Ġnus Magħquda approvat trattat li għandu l-għan li jelimina l-armamenti nukleari minn wiċċ id-dinja. Dan it-trattat, imsejjaħ Treaty on the Prohibition of Nuclear Weapons (TPNW), jorbot legalment lill-gvernijiet tal-pajjiżi biex la jipproduċu, jittestjaw, jaħżnu jew jużaw l-armamenti nukleari. Fil-vot illi ittieħed f’Assemblea Ġenerali tal- Ġnus Magħquda 122 pajjiż ivvotaw favur dan it-trattat, 70 ma vvutawx jew astjenew, u pajjiż wieħed biss, l-Olanda, ivvotat kontra.
Attwalment il- Ġnus Magħquda fl-1970 kienet diġa għaddiet trattat li kien fuq din l-istess linja u kien jissejjah Nuclear Non-Proliferation Ttreaty (NPT). Dan kien jipprojbixxi lil dawk il-pajjiżi li m’għandhomx armamenti nukleari milli jippruvaw li jakkwestawhom, imma fl-istess ħin kien jorbot lil dawk li għandhom biex jibdew iżarmaw sakemm l-armamenti nukleari jispiċċaw minn wiċċ id-dinja. Ġara iżda illi l-ħames pajjiżi li kellhom in-nukleari komplew żiedu l-armamenti flok naqqsuhom. Dawn kienu l-Istati Uniti, l-Ingilterra, ir-Russja, Franza u ċ-Ċina. Ġara ukoll illi mill-1970 l-hawn l-India, il-Pakistan, il-Korea ta’ Fuq u l-Israel armaw bin- nukleari.
Kien għalhekk inħass li għandu jsir sforz ġdid lejn id-diżarm nukleari. Sadanitant, minn Ġunju tal-2017 meta it-trattat il-ġdid TPNW għadda mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, diġa qablu miegħu u ffirmawh 59 gvernijiet ta’ pajjiż minn madwar id-dinja. Fosthom hemm l-Irlanda u l-Awstrija, żewġ pajjiżi Ewropej li jħaddnu l-politika ta’ newtralità.
Malta għandha ir-raġunijiet kollha biex ukoll tiffirma dan it-trattat, iżda sal-lum, meta diġa għaddiet sena il-gvern għadu mhux biss ma ffirmahx, imma lanqas biss ma qal xejn lill-poplu x’bi ħsiebu li jagħmel. Malta tinsab f’nofs ta’ baħar mimli armamenti nukleari. Hemm il-missili nukleari fl-Italja, it-Turkija, u l-Israel. Imbagħad il-baħar ta’ madwarna mimli bastimenti tal-gwerra Amerikani, Russi, Ingliżi u oħrajn li jġorru l-missili nukleari.
L-għażla jekk Malta tiffirmax dan it-trattat jew le hija għazla bejn jekk il-gvern hux se jimxi mar-raġuni u ma l-interessi nazjonali u jiffirma dan it-trattat, jew inkella jimxi mal-interessi tal-produtturi tal-armamenti u ma jiffirmahx. Għax jekk il-gvern jibqa’ ma jiffirmahx ikun ifisser li qiegħed jaqbel li jkomplu jiżdiedu l-armamenti nukleari, inkluż fil-Mediterran.