Kif kien mistenni li jiġri, kollox qed juri li it-tielet bailout tal-Greċja f’ ħames snin mill-Unjoni Ewropea se jerġa’ jfalli bħal ma fallew ta’ qablu. Kemm l-esportazzjoni kif ukoll il-konsum komplew jonqsu matul din is-sena. L-ekonomija kompliet tiċkien tant li matul din is-sena diġa għalqu 10,000 negozji oħra. Id-dejn nazzjonali issa tela’ għal 180% tal-Prodott Gross Domestiku.
Il-kundizzjonijiet li l-UE imponiet mal-bailout kienu jinkludu aktar żidiet fit-taxxi diretti fuq il-poplu; aktar tnaqqis fil-penzjoni, li issa tnaqqset għal 384 euro fix-xahar; aktar tnaqqis tal-pagi u tas-servizzi soċjali; u il-bejgħ tal-assi tal-poplu Grieg lill-ispekulaturi bl-orħos prezzijiet. Fl-istess waqt l-Unjoni Ewropea imponiet li 95% tal-flus tal-bailout lanqas biss jidħlu ġol-Greċja imma jgħaddu mill-ewwel għand il-banek Ġermaniżi u Franċizi li kienu l-kaġun ewlieni tal-kriżi finanzjarja.
B’riżultat ta’ dan kollu ir-rata tal-qagħad hija ta 25% u tal-faqar 33%. Xena li saret komuni illum fil-Greċja hija tan-nies iqallbu fl-iskips forsi jsibu xi ħaġa tgħodd għalihom.
Dawn il-fatti kollha komplew kixfu kemm il-kbarat tal-UE jimpurthom biss li huma jibqgħu’ komdi fil-lussu waqt li l-ħaddiema jibqgħu jsofru. Komplew kixfu wkoll kemm kien kbir it-tradiment ta’ Tsipras u l-partit Syriza li irmew id-drittijiet tal-poplu Grieg biex, kontra l-mandat tal-poplu, jaċċettaw il-kundizzjonijiet inumani tal-mexxejja tal-UE.