Il-Ġrajja tal-EWWEL TA’ MEJJU: 132 sena ilu u llum.

Il-lapida b’tifkira u b’ ġieħ lejn il-martri ta’ Chicago imwaħħla mal-Main Office ġewwa t-tarzna
Il-Monument tal-Martri ta’ Chicago

 

 

MINN SAMMY MEILAQ  PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU.

 

Il-ġrajja ta’ Jum il-Ħaddiem hija storja li kella l-bidu tagħha 132 sena ilu ġewwa l-belt ta’ Chicago fl-iStati Uniti. Il-ħaddiema kienu għadhom jitħaddmu bla drittijiet ta’ xejn u l-unions Amerikani magħqudin fl-American Federation of Labour (AFL) kienu qegħdin jitolbu li l-ġurnata tax-xogħol tiġi stabbilita għal waħda ta’ tmien siegħat u ma jibqgħux jitħaddmu għal ħinijiet twal ta’ għaxra, tnax jew anke erbatax il-siegħa kuljum bil-paga ta’ ġurnata xogħol.

 

Is-sidien ma riedux jafu allura l-AFL ordnat strikes fl-industrji jibdew mill-ewwel ta’ Mejju 1886. Jumejn wara, fit-tlieta ta’ Mejju il-pulizija ġew ordnati jisparaw fuq il-ħaddiema li kienu qegħdin jistrikjaw f’Chicago u qatlu erba’ ħaddiema u ferew ħafna ħaddiema oħra. Għalhekk il-unions l-għada 4 ta’ Mejju organizzaw meeting ta’ protesta ġewwa Haymarket Square f’Chicago. Hawnhekk reġa nqala l-inkwiet u l-pulizija qatlu numru kbir ta’ ħaddiema. Xi ħadd, sallum mhux magħruf, tefa’ bomba u biha qatel seba’ pulizija.

 

L-awtoritajiet arrestaw seba’ mexxejja tal-ħaddiema u ressquhom il-qorti akkużati bil-qtil ta’ pulizija, avolja kien ċar li dawn ma kellhom x’jaqsmu xejn mat-tfigħ tal-bomba. Uħud minnhom lanqas biss kienu preżenti f’Haymarket Square fejn sar il-meeting! Il-ġuri tagħhom kien frame-up totali tant li kien hemm protesti kontra dan il-ġuri kemm fl-iStati Uniti kif ukoll fl-Ewropa. Erbgħa minnhom ingħataw il-forka, tnejn marru għomorhom il-ħabs u wieħed laħaq neħħa ħajtu fil-ħabs biex jevita l-forka. Kemm dan il-ġuri kien frame-up joħroġ ukoll mill-fatt li wara xi snin l-istess awtoritajiet ta’ Chicago iddikjarawhom bla ħtija, tant li illum ġewwa Chicago hemm momument tifkira tagħhom, u huma jissejħu il-Martri ta’ Chicago.

 

Ghalkemm il-kbarat qatlu lill-mexxejja tal-ħaddiema il-ġlieda għal ġurnata ta’ xogħol ta’ tmien siegħat mhux talli ma waqfetx talli ħraxet aktar. Erba’ snin wara, l-American Federation of Labour, flimkien mal-unions fl-Ewropa u bl-appoġġ tal-partiti soċjalisti fl-Ewropa, iddeċidew li fl-ewwel ta’ Mejju 1890 il-ħaddiema għandhom flok imorru għax-xogħol joħorġu jipprotestaw fit-toroq jitolbu il-ġurnata ta’ tmien siegħat. Il-ħaddiema tant obdew u tant ħarġu fit-toroq li s-sidien u l-gvernijiet li kienu jappoġġjawhom beżgħu u kellhom jaċċettaw li tibda tidħol il-ġurnata ta’ tmien siegħat bi dritt, kemm fl-iStati Uniti kif ukoll fl-Ewropa.

 

Minn din il-ġrajja il-ħaddiem għandu jinduna b’dawn l-affarijiet:

(1) Li illum erġajna tlifna ħafna mid-drittijiet li ta’ qabilna iġġieldu għalihom, kultant anke marru l-ħabs jew spiċċaw martri. Il-ġurnata ta’ tmien siegħat, il-ġimgħa ta’ ħames t’ijiem, ix-xogħol tal-fiss u ħafna drittijiet oħra intilfu.

(2) Li l-ħaddiem irid jiġġieled biex jieħu dak li ġustament huwa tiegħu. Jekk ma jiġġilidx jibqa’ b’xejn, allura m’għandux triq oħra.

(3) Li biex jirbaħ il-ġlieda il-ħaddiem irid ikun magħqud kulħadd ponn wieħed. Meta l-ħaddiem ikun kulħadd għal rasu għandu biss garanzija ta’ telfa.