Il-gideb dwar il-Brexit

Wara li fir-Renju Unit kien hemm ħafna intoppi legali minn dawk li ma riedux jaċċettaw id-deċiżjoni demokratika tal-poplu, il-parlament tar-Renju Unit ukoll għadda d-deċiżjoni biex jawtorizza lill-gvern biex jibda’ l-proċess tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea. Il-membri parlamentari ivvotaw 498 favur il-ħruġ u 114 kontra, maġġjoranza ta’ 384. Jekk sakemm ittieħed dan il-vot kien hemm xi dubju dwar x’se jiġri, wara dan il-vot fil-parlament issa hija ħaġa ċerta li ir-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Issa qiegħed jidher ċar ukoll kemm gidbu l-kbatat tal-UE biex ibeżżgħu lill-votanti biex ma jivvotawx favur il-Brexit fir-referendum. Ipprovaw ibeżżgħu lil kullħadd li jekk il-vot ikun favur il-Brexit l-ekonomija tar-Renju Unit se taqla daqqa kbira, se jonqos ix-xogħol u l-investiment. Kuntrarju għal dan il-gideb kollu, fis-sitt xhur ta’ wara ir-referendum l-ekonomija tar-Renju Unit marret il-quddiem. Wara dan ir-riżultat ekonomiku tajjeb il-Bank Of England, li huwa l-bank ċentrali tal-Ingilterra, xandar apoloġija pubblika, għax anke dan il-bank kien ingħaqad mal-kbarat tal-Unjoni Ewropea biex ibeżżgħa lill-votanti.

Aktar minn hekk it-tbassir għal din is-sena 2017 huwa aħjar minn tas-sena l-oħra, għax l-ekonomija tar-Renju Unit mistennija li tikber b’1.7%. Din hija rata ta’ tkabbir għola mit-tkabbir mistenni matul din is-sena fl-ekonomiji tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja u tal-Ġappun!  Barra minn hekk, matul dawn l-aħħar xhur ir-Renju Unit kellu offerti separati mill-Istati Uniti, mill-Korea t’Isfel, mill-Awstralja u minn New Zealand biex jidħlu fi ftehim ta’ kummerċ mar-Renju Unit.

Dawn il-fatti kollha juru kemm jaslu li jigdbu l-kbarat tal-Unjoni Ewropea biex jingannaw lill-popli.

Fix-xhur li ġejjin żgur iridu jibdew in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar il-kundizzjonijiet tal-Brexit. Il-poplu Malti għandu l-akbar interess li jara li dawn in-negozjati ma jsirux bil-pika, iżda jsiru bil-ġustizzja. Malta għanda tara li t-turiżmu minn, u l-esportazzjoni lejn, ir-Renju Unit ma jiġux imfixkla.

Malta għandha wkoll tappoġġja dak li diġa aċċetta il-gvern tar-Renju Unit biex in-nies mill-Ewropa li jgħixu fir-Renju Unit jibqgħu jgħixu fir-Renju Unit bid-drittijiet kollha li għandhom, u ovvjament l-istess jiġri fil-każ taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-Unjoni Ewropea.